L-Isqof Scicluna jappella lis-suldati biex jaħdmu favur id-dinjità tal-bniedem

L-Amministratur Appostoliku Charles Scicluna dalgħodu rringrazzja lis-suldati tal-Forzi ta’ Malta u awguralhom li permezz ta’ ħidmiethom ikomplu jaħdmu “għall-ħarsien tad-dinjità ta’ kull persuna umana, hi min hi, hi ta’ liema reliġjon hi, hi ta’ liema kulur tal-ġilda hi, hi ta’ liema razza hi, hi min hi!” 
Waqt quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fl-okkażjoni tad-depożizzjoni tal-kuluri tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Amministratur Appostoliku appella lis-suldati biex f’każ li jużaw il-vjolenza, din ma tispiċċax tagħmel ħsara lid-dinjità tal-bniedem. 
L-Isqof Scicluna qabbel il-Forzi Armati ta’ Malta ma’ David fil-ġrajja ta’ Gulija għaliex bil-ftit riżorsi, David irnexxielu jgħeleb lill-ġgant.  
“Meta mqabbla ma’ armati oħrajn, il-Forzi Armati ta’ Malta, huma preżenza żgħira imma mhux inutli” saħaq l-Isqof. 
Fost l-oħrajn semma’ d-drabi meta s-suldati jsalvaw il-ħajjiet tan-nies mitluqa għad-destin tagħhom fil-baħar. 
L-Isqof Scicluna għamel ukoll referenza għall-kuluri l-ġodda tal-Forzi Armati, li ġew kkonsagrati f’isem il-Mulej.  Qal li “d-drapp li jitbierek u jiġi kkonsagrat huwa sinjal tal-konsagrazzjoni ta’ kull suldat”. 
Saħaq li “din hija stqarrija li l-Forzi Armati ta’ Malta għadhom jemmnu li Alla jrid ikun li jgħasses il-pajjiż tagħna, li jindukrana u li jħarisna.” 
L-Amministratur Appostoliku għalaq il-messaġġ tiegħu bl-istedina biex is-suldati ma jistħux jersqu qrib il-Mulej sabiex jisimgħu l-Kelma tiegħu, u jfittxu “l-fejqan li jagħti hu fil-qrar u l-wens li jagħti fl-Ewkaristija”. 

Ritratti: Photocity, Valletta