L-Isqof Mons George Bugeja mistieden tal-Fondazzjoni Papa Gwanni Pawlu t-Tieni

L-E.T. Mons George Bugeja OFM, Vigarju Appostoliku ta’ Tripli, Isqof Titulari ta’ San Leone u Amministratur Appostoliku ta’ Tripli fil-Libja, nhar il-Ħadd filgħodu 13 ta’ Ottubru qaddes fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta fuq stedina tal-Fondazzjoni Papa Gwanni Pawlu t-Tieni bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru biex ifakkru l-mitt sena minn twelidu u t-30 anniversarju mindu dan l-Papa Pollakk kien żar il-gżejjer Maltin.

Intagħżlet din il-Knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu għaliex dan il-Prelat tal-Knisja  kien devot tal-Madonna tal-Karmnu u kien iġorr dejjem fuqu l-iskapular.  Ikkonċebra miegħu Fr Alex, il-Pirjol tal-Karmnu waqt li animaw il-quddiesa Vince Fabri u l-Puse’.  Fl-omelija tiegħu l-Isqof  ħa spunt mill-Vanġelu tal-ġurnata fejn minn għaxar lebbrużi li fiequ, wieħed biss mar lura biex jgħid ‘grazzi’ lil Gesu. 

Il-Predikatur qal kemm hu importanti li nużaw iktar ta’ spiss din il-kelma qasira ‘grazzi’ għax il-gratitudni saret rari wisq.  Lejn tmiem il-quddiesa patri Pirjol radd ħajr lil Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni għal din l-nizjattiva u lill-Isqof li kien qed iżur lil dan is-Santwarju. Il-Kav Joe M Attard qara l-poeżija tiegħu Addio Carol  li huwa kien kiteb hekk kif kienet  tħabbret il-mewt tal-Papa mill-Polonja.

Mons Bugeja OFM tal-Patrijiet Minuri twieled ix-Xagħra Għawdex fl-1 ta’ Lulju 1962  u kien ordnat Saċerdot  fil-5 ta’ Lulju 1986.  Fl-10 ta’ Lulju 2015 inħatar Isqof Koadjutur u ikkonsagrat Isqof fis-Santwarju Ta’ Pinu fl-4 ta’ Settembru 2015.  Beda l-Ministeru tiegħu fi Tripli fit-23 ta’ Otubru 2105 bħala isqof Koadjutur u Vigarju Generali; fil-5 ta’ Frar 2017  hwa sar il-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli fejn kif qalli hu, il-ħajja mhi xejn faċli.    

Kav Joe M Attard

Rabat –  Għawdex