L-Isqof Mario Grech se jagħti bidu għall-Vista Pastorali fid-Djoċesi Għawdxija

Fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi Għawdxija, l-Isqof t’ Għawdex Monsinjur Mario Grech se jkun qed jagħti bidu għal Viżta Pastorali fil-parroċċi Għawdxin.

F’ittra pastorali li se tinqara waqt il-Quddies tal-Ħadd, l-Isqof Grech se jkun qed iħabbar uffiċjalment din il-viżta.

F’din l-ittra pastorali Monsinjur Grech stqarr li jixtieq li jiltaqa’ mal-membri tal-komunitajiet fil-parroċċi Għawdxin, bil-għan li jisma’ l-opinjonijiet tagħhom dwar il-Knisja u wieħed x’jistenna minnha f’dawn iż-żminijiet.

Għalhekk jispjega li se jkun qed iħabbat il-bibieb għax fi kliemu jixtieq jiltaqa’ ma’ kull aspett tal-parroċċi u jitkellem mal-familji, mal-adulti, mat-tfal, mal-anzjani, maż-żgħażagħ u ma’ kull min jifforma l-komunita’ parrokjali.

Fl-aħħarnett l-Isqof Grech jgħid li se jkun qed iħabbat fuq il-qalb ta’ kull persuna mhux biex jindaħal fil-ħajja personali ta’ ħaddieħor, imma biex jgħin lil kulħadd jinfetaħ għall-imħabba u l-ħniena t’Alla, filwaqt li jisma’ u jaqsam il-ferħ u n-niket ta’ min se jiltaqa’ miegħu.

Il-Quddiesa tal-ftuħ tal-viżta se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-Katidral ta’ Għawdex.