L-Isqof Mario Grech jappella għad-diċenza fil-quddiesa taż-żwieġ

Waqt intervista fuq RTK, l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech tkellem dwar il-bżonn ta' demm ġdid fi ħdan il-Knisja u anke dwar id-dekadenza tal-valuri.
Fost l-oħrajn tkellem dwar l-indiċenza kemm fil-ħajja ta' kuljum kif ukoll fil-knisja.  
Matul il-programm Bir-rispett kollu, Mons. Grech appella lill-għarajjes, biex dakinhar taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, jkunu liebsa kif xieraq.
Dan għaliex skont l-Isqof Grech, "il-quddiesa spiċċat parodija u kummiedja".
Fakkar li koppja titla' fuq l-artal biex tieħu sehem f'Sagrament u biex issejjaħ lil Kristu ibierek l-imħabba. 
Sejjaħ biex l-insara ġenwini ma jimxux mal-kurrent u mal-moda iżda jżommu sodi mal-valuri biex ikunu huma li jagħmlu d-differenza u jkunu wkoll demm ġdid fil-Knisja.
L-Isqof Grech tkellem ukoll dwar il-bżonn ta' evanġelizzazzjoni ġdida u l-entużjażmu biex il-Vanġelu jixxandar b'lingwaġġ u b'metodi ġodda.
Għalhekk ħeġġeġ lill-insara li huma konvinti fit-twemmin, biex ma jħallux lill-ħaddieħor jaqa' f'apatija spiritwali u ma jibżgħux ixandru l-bxara t-tajba.