Esklussiva: Il-Papa nnifsu kellem lill-Isqof Grech dwar il-kariga ġdida

Sorsi nfurmati qalu lil Newsbook.com.mt li l-Papa Franġisku nnifsu kkuntattja lil Mons. Grech daqs ġimagħtejn ilu meta l-Isqof Grech x’aktarx kien pellegrinaġġ Lourdes.

Wara dan il-kuntatt, l-Isqof Grech iltaqa’ mal-Papa fil-Vatikan fejn qallu li jixtieq li l-Isqof Grech isir l-Prosegretaju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfiijiet.

Tard il-ġimgħa li għaddiet, saret laqgħa oħra bejn il-Papa u l-Isqof Grech fejn ta’ l-aħħar informa lill-Papa Franġisku bl-aċċettazzjoni tiegħu.

L-Isqof se jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu f’Awwissu li ġej meta jtemm il-mandat tiegħu, l-Kardinal Lorenzo Baldisseri. Fil-frattemp, Mons. Grech ġie maħtur ProSegretarju u Ammistratur Appostoliku għad-Djoċesi ta’ Għawdex sakemm jinħatar Isqof ieħor.

Il-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Grech membru tal-Assemblea Speċjali tas-Sinodu għar-Reġjun Pan-Amażoniku li se jiftaħ nhar il-Ħadd li ġej, 6 t’Ottubru, fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Fi stqarrija, l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ferħu lil Mons. Grech għall-ħatra tiegħu. Irringrazzjawh għall-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar 14-il sena.

F’ittra il-Vigarju Ġenerali Mons. Tarcisio Camilleri qal li l-vojt li se jħalli Mons. Grech fid-djoċesi se jinħass.

“Il-fatt li l-Papa Franġisku reġa’ tefa’ ħarstu fuq id-Djoċesi tagħna u ħatar lilek għal ministeru hekk kbir u qrib tiegħu fil-Vatikan, huwa ta’ unur kbir għad-Djoċesi, għal Għawdex u għal pajjiżna.”

Qallu li l-missjoni ġdida tiegħu f’Ruma mhux faċli imma qal li Ġesù mhux se jħallih waħdu.

Il-Kulleġġ tal-Kappillani tad-Djoċesi ta’ Għawdex esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-Papa Franġisku għall-fiduċja li hu wera fl-Isqof Mario Grech.

“Il-Kulleġġ jifraħ lill-E.T. Mons. Mario Grech għal din il-ħatra u jroddlu ħajr għall-ħidma fejjieda bħala Ragħaj spiritwali ta’ din id-Djoċesi matul dawn l-aħħar kważi erbatax-il sena. Il-Kappillani jwiegħdu t-talb tagħhom u tal-komunitajiet parrokkjali kollha għall-Isqof Grech fil-qadi ta’ din il-missjoni ġdida b’risq il-Knisja Universali.”

Fi stqarrija l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li f’kull kariga pubblika li kellha dejjem sabet sens qawwi ta’ dmir u kooperazzjoni minn Mons. Grech, l-aktar fil-ħidma soċjali b’risq il-persuni vulnerabbli.

“Dan wassal biex sentejn ilu ftehmna fuq Memorandum of Understanding bejn il-Ministeru u l-Kurja ta’ Għawdex biex naħdmu flimkien fuq proġetti b’risq Għawdex, u l-aktar il-persuni u l-familji li l-aktar jeħtieġu appoġġ u ħarsien.”

Il-Ministru raddet ħajr lill-Isqof Grech għas-servizz li ta għal 14-il sena bħala mexxej tad-Djoċesi u tagħraf li issa tikber ir-responsabbiltà għalih fil-firxa iktar wiesgħa bil-ħatra li afdalu l-Papa Fraġisku.  Il-Ministru Justyne Caruana awgurat li l-kooperazzjoni bejn il-Ministeru u d-Djoċesi tissokta mas-suċċessur tal-Isqof Grech.

Ir-rapport oriġinali iktar kmieni…

Sorsi infurmati iżda mhux uffiċjali qalu lil Newsbook.com.mt li l-Isqof t’Għawdex mhux se jibqa’ Isqof t’Għawdex biex minn Awwissu jservi bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech hu magħruf għar-rabta mill-qrib li għandu mal-Papa Franġisku.

Sorsi uffiċjali fil-Kurja t’Għawdex ma riedux jikkummentaw. Dalgħodu fl-11.00, l-Isqof t’Għawdex se jlaqqa’ lill-kappilani u mistenni li jikkomunika l-aħbar b’mod uffiċċjali.