L-Isqof Malti għal Darwin jimxi fuq il-passi ta’ San Ġorġ Preca

Il-qassis Malti li se jiġi elett Isqof għal Darwin fl-Awstralja, Fr Charles Gauci, iddeċieda li fix-xogħol tiegħu jsegwi l-passi ta’ San Ġorġ Preca billi juża l-motto tiegħu għall-episkopat, jiġifieri l-frażi Verbum Dei Caro Factum Est.

Din il-frażi, li tfisser “L-Iben t’Alla sar bniedem” kienet tmexxi lill-ewwel Qaddis Malti, San Ġorġ Preca, f’kull ħaġa li kien jagħmel. Hu ġie kanonizzat lura fl-2007 mill-Papa Benedittu XVI.

Fr Charles Gauci għażel din il-frażi b’mod speċjali minħabba li kien jagħmel parti mill-komunità ta’ San Ġorġ. Hu saħansitra kien jgħix fl-istess triq u kien jafu sew.

Aktar tard, Fr Gauci kien intalab sabiex jikkonċelebra l-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca f’Ruma, flimkien ma’ 10 qassisin u isqfijiet oħrajn. Hu għamel tul ta’ żmien kappillan fil-komunità Preca fl-Awstralja wkoll.

Esperjenza oħra ta’ Fr Gauci hija meta ltaqa’ ma’ Madre Tereża meta żar Kalkutta fl-Indja. Mal-ġurnal CathNews spjega li meta qaddes quddiema ħassu kemxejn mhux f’postu minħabba li kien jaf l-opri kbar li kienet tagħmel mal-foqra.

Fr Gauci se jiġi ordnat Isqof ta’ Darwin fis-26 ta’ Settembru fil-Katridral ta’ Santa Marija f’Darwin. Hu se jkun is-seba’ isqof ordnat għal Darwin.