L-Isqof li jgħannaq virtwalment

L-Isqof ta’ Cremona fl-Italja Mons. Antonio Napolini, kiteb fuq il-paġna tigħu fuq Facebook li hu jgħannaq virtwalment lil dawk kollha li urew solidarjeta miegħu waqt li kien l-isptar milqut mill-pandemija tal-coronavirus.

“Il-ħsibijiet tiegħi huma ta’ gratitudni kbira lit-tobba, l-infermiera u l-istaff kollu, immexxija mill-Prof. Giancarlo Bosio.” Dan stqarru Mons. Napolini li nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu, rritorna d-dar wara għaxart’ijiem l-isptar fejn hu kien rikoverat. Hu kien qiegħed isofri minn Pneumonia kkawżata mill-COVID-19.

Lil dawn in-nies kollha li qegħdin jagħmlu ħidma kbira ħafna għandna “natuhom is-sapport tagħna bit-talb, b’solidarjetà u billi nobdu d-direttivi li qegħdin joħorġu,” saħaq Napolini.

Hu qal dan fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li wara li fis-7 ta’ Marzu ħass xi sintomi ġie mgħarraf li kellu l-virus. Iżda bil-ħidma kbira tat-team mediku hu ħareġ qawwi u sħiħ.

“Jien grat ħafna” kompla l-Isqof, “għal dawk kollha fi Cremona, l-isqfijiet tal-Lombardia u l-Italja li kienu viċin tiegħi, jiena grat għar-relazzjonijiet kollha li matul ħajti kienu rigal. Għaraft b’mod ċar li kont qiegħed niġi mgħejun minn tant nies. Għaraft li dak li qiegħed jieħu ħsieb u dak li qiegħed jiġi mgħejun huma uċuh konkreti tas-Sinjur Ġesù. Ir-reżurreżżjoni tiegħu fl-Għid ser tqanqal tama u terġa titfana lura fuq triqtna. Ngħannaqkom virtwalment.”

Minn terremot għall-pandemija

Mons. Napolini stqarr li dawn l-aħħar xhur ħallew impatt qawwi fuqu. Hu stqarr mal-gazzetta Avvenire: “fix-xhur li għaddew … kien hawn terremot u bdejt ninkwieta li jkun hawn l-għargħar fi Cremona, però qatt ma stennejt din il-pandemija … M’għandnix ħafna ċans biex naħsbuha. Fir-realtà, xejn ma jwaqqafna milli nħobbu, ngħatu lilna nfusna, jew sempliċement nipperseveraw.”

L-Isqof Napolini stieden lill-morda “biex jafdaw lilhom infushom b’kunfidenza lil dawk li qegħdin jieħdu ħsiebhom, u jħarsu ‘l quddiem b’determinazzjoni li jfiequ. Dan mhux dejjem jiġri, però hu essenzjali li nżommu l-fjamma tat-tama tixgħel.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn