L-Isqof jitlob il-barka fuq il-poplu Malti fi tmiem sena storika

Arkivji

Fl-omelija fil-quddiesa ta’ radd il-ħajr fi tmiem is-sena, l-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles Scicluna talab il-barka t’Alla fuq il-poplu Malti bħalma Aron, ħu Mosè, ġie mgħallem ibierek il-poplu ta’ Iżrael.
Fi tmiem sena storika għal Malta, l-Isqof awgura li l-poplu Malti jibqa’ jqis lill-Mulej bħala t-tarka u l-wens tiegħu.
Fakkar kif 50 sena ilu, il-poplu ta ġieħ lil stat indipendenti ġdid bi kliem it-talba ta’ Dun Karm bħala l-Innu Malti.
Awgura li, bl-istess mod, il-poplu jibqa’ jqis il-fidi bħala libertà reliġjuża u ta’ kuxjenza għal kulħadd.
Fl-istess ħin, l-Isqof ħeġġeġ biex il-poplu jirringrazzja lil Alla għall-ħniena u l-grazzji li ngħatawlu fl-aħħar sena.
Ħeġġeġ il-ħajr lill-Mulej għall-għexieren ta’ snin ta’ tmexxija demokratika tal-pajjiż li matulhom, politiċi denji ddedikaw l-enerġija u l-ħiliet tagħhom.
Irringrazzja lill-Mulej ukoll għat-tmexxija pastorali tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, li t-tjubija umli tiegħu għadha ġġib ferħ u hena f’ħafna qlub.
L-Amministratur Appostoliku qal li t-tielet invokazzjoni ta’ Aron tfakkar li l-Mulej lest juri l-ikbar att ta’ tjubija billi jagħti d-don tal-paċi, li sejħilha “rigal prezzjuż”.
Ħeġġeġ il-ħidma favur ir-rikonċiljazzjoni vera bħala nazzjon iżda qal li l-isforzi jkunu għalxejn jekk ma jkunux ibbażati fuq il-verità, il-ġustizzja soċjali u jekk ma jkunux imbierka mill-Mulej.
Għalhekk l-Isqof ressaq għadd ta’ mistoqsijiet lill-ġemgħa fosthom jekk il-pajjiż għaġġilx għal ċertu sekulariżmu li jevita, jinjora u jirrifjuta lil Alla għax iqisu ostaklu fil-miri utopistiċi tal-progress liberali.
Staqsa wkoll liema dawl se jiggwida lill-poplu Malti matul l-2015 u x’għażliet se jsiru mill-poplu u min-nazzjon matul is-sena l-ġdida. 
Ritratt: Photocity, Valletta