L-Isqof jitlob għall-integrazzjoni tal-ħabsin wara li jiskontaw is-sentenza

Djoċesi ta' Għawdex

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech talab lill-Madonna Ta’ Pinu biex is-soċjetà tgħaraf tintegra lill-ħabsin wara li jiskontaw is-sentenza. Huwa talab dan fl-Omelija tal-Quddiesa li saret fis-Santwarju Ta’ Pinu li għaliha attendew ħabsin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fl-omelija tal-quddiesa, li għaliha kien preżenti grupp ta’ tletin priġunier, akkumpanjati minn tnax-il uffiċċjal tal-Faċilità, l-Isqof ta’ Għawdex saħaq li “l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jedukana biex naraw aħjar”.

B’riferenza għal-Lhud li fil-vanġelu tal-Ħadd li għadda ħadu adultera quddiem Ġesù biex jistaqsuh għandhomx iħaġġruha, l-Isqof innota li waqt li huma “kienu qed jaraw prostituta, adultera li nqabdet fil-fatt u għalhekk kien ħaqqha mhux biss il-kundanna imma l-piena kapitali”, “Kristu għandu ħarsa differenti” u jsejħilha “mara”, kif kien sejjaħ lil Ommu fit-tieġ ta’ Kana u taħt is-salib.

L-Isqof Grech qal li “r-regoli mhumiex hemm biex jumiljawna u jkissruna, imma biex jgħinuna nitgħallmu napprezzaw il-ħajja tagħna u tal-oħrajn”. Kompla jgħid li dan għandna nifhmuh ukoll biex nitgħallmu nużaw il-libertà aħjar.

Waqt li dar fuq il-ħabsin, l-Isqof qalilhom:

Xi drabi intom ittemmu l-programm, imma d-dinja tibqa’ tħares lejkom b’għajnejn imċajpra.

Dwar il-ħabs, l-Isqof saħaq li aktar milli hija istituzzjoni ta’ kastig, din il-Faċilità hija dar ta’ formazzjoni u rijabilitazzjoni. Fisser kif din hija d-dar fejn jitrabbew persuni biex ikunu ċittadini onesti filwaqt li tikkumpensa għall-eżempji koroh li l-persuni fi ħdana jkunu ħadu fl-adolexxenza tagħhom.

L-Isqof Grech tkellem dwar dak miktub fl-Evanġelju meta qal li Kristu jinżel fejn riġlejn il-mara li żbaljat. Fisser kif huwa jinżel f’qagħda iktar baxxa minnhom biex ikun jista’ jgħinhom jintrefgħu ’l fuq. Stqarr li din għandha tkun l-attitudni tas-soċjetà ma’ persuni li jkunu żbaljaw f’ħajjithom.

Huwa minnu li l-ħsara li wieħed ikun wettaq trid tiġi riparata, imma hemm min qatt ma huwa sodisfatt u jibqa’ għatxan għad-demm ta’ min ikun żbalja. Nistieden lis-soċjetà tikkontempla l-imġiba ta’ Kristu mal-mara li żbaljat.

Mons. Grech qal li l-ewwel nett tajjeb li nibdlu l-mod kif inħarsu lejna nfusna. Fisser kif għandna nikkoreġu l-mod kif aħna niġġudikaw lilna nfusna. Issuġġerixxa wkoll li għandna nibdlu ftit il-perspettiva u nemmnu li minkejja d-dgħufja tagħna, Alla żejjinna b’ħafna riżorsi u b’ħafna kwalitajiet u talenti li xi drabi jibqgħu midfunin.

Temm jgħid li huwa konvint li, bħal Ġesù, il-Madonna qed tgħidilna: “Qumu fuq riġlejkom, imtlew bit-tama, għax quddiemkom għandkom futur”.

Din kienet l-ewwel żjara li grupp ta’ priġunieri qatt għamel lis-Santwarju Ta’ Pinu kemm ilha mwaqqfa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u saret fl-okkażjoni tas-Sena Djoċesana Marjana f’Għawdex. Mal-Isqof ikkonċelebraw fost l-oħrajn Patri Hayden Williams u Patri Martin Mamo, żewġ patrijiet Kapuċċini li jservu bħala Kappillani tal-Faċilità.

F’din l-okkażjoni, is-Santwarju għamel donazzjoni ta’ xbieha kbira tal-Kwadru Ta’ Pinu għall-Kappella tal-Faċilità, kif ukoll kwadru żgħir tal-istess xbieha biex jingħata lil kull resident fil-ħabs. Min-naħa tagħhom, il-ħabsin irregalaw lill-Isqof l-arma tiegħu maħduma fil-ġebla Maltija minn wieħed minnhom u ħobż moħmi minnhom stess biex jingħata lil min hu fil-bżonn.

Għall-quddiesa kienu preżenti wkoll Michael Farrugia, Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, flimkien mad-Direttur Ġenerali u mas-Ceo tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Omelija sħiħa hawn: