Newsbook ixandar LIVE l-ħatra tal-Isqof Grech bħala Kardinal

L-ewwel laqgħa li kellhom il-Papa Franġisku u l-Kardinal-elett Mario Grech wara li l-Papa ħabbar in-nomina tiegħu għall-Kulleġġ Kardinalizju. Ritratt: L’Osservatore Romano

Read in English.

Għada s-Sibt Newsbook.com.mt se jkun qed ixandar LIVE ċ-ċerimonja li matulha l-Isqof Mario Grech se jinħatar Kardinal mill-Papa Franġisku fl-ordni tal-Kardinali-Djakni.

Il-Konċistorju Mqaddes se jsir fil-Bażilika ta’ San Pietru. Se jsir ukoll it-Tqegħid tal-Berittin, il-Konsenja tal-Ċurkett u l-Għoti tat-Titlu jew Djakonija. Iċ-ċelebrazzjoni tibda fl-4pm, u tista’ tiġi segwita wkoll minn fuq il-midja soċjali tal-Vatikan u tad-Djoċesi ta’ Għawdex kif ukoll diretta fuq TVM2, li sa jxandar programm speċjali mit-3.00pm ’il quddiem.

Dan huwa il-librett ta’ din iċ-ċelebrazzjoni: Librett.

L-Isqof Grech lura f’Għawdex

Lura f’Għawdex għall-ewwel darba bħala Kardinal wara l-Konċistorju tas-Sibt,
Mons. Mario Grech se jmexxi żewġ Konċelebrazzjonijiet Solenni ta’ Radd il-Ħajr:

  • nhar il-Ħadd 6 ta’ Diċembru, fil-5.00pm, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija;
  • nhar l-Erbgħa 9 ta’ Diċembru, fil-5.30pm, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Iż-żewġ quddisiet ħa jkunu mxandra fuq TVM2 u fuq il-midja soċjali tad-Djoċesi ta’
Għawdex.

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Diċembru l-Kardinal Grech mistenni jagħmel ukoll żjajjar ta’ kortesija
lill-membri tal-Konferenza Episkopali Maltija fil-Palazz tal-Arċisqof, l-Imdina, kif ukoll lill-Awtoritajiet Ċivili tal-Istat Malti.

Kommemorazzjoni

Għal din l-okkażjoni, MaltaPost plc se toħroġ timbru speċjali li jista’ jinkiseb is-Sibt filgħodu mill-Uffiċċju Postali tal-Belt Victoria.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mas-Soċjetà Filatelika Għawdxija qed toħroġ għal miegħu kartolina kommemorattiva u sett ta’ bolol personalizzati li jistgħu jinkisbu mill-Kurja tal-Isqof.

Il-Papa Franġisku jagħmel it-tħabbira fil-25 t’Ottubru
Filmat: Monsinjur Mario Grech se jinħatar Kardinal