L-Isqof Grech: Mill-RTK, għad-Djoċesi, għall-Vatikan

Min hu Mons. Mario Grech?

L-Isqof Mario Grech, li se jinħatar bħala s-Segretaju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfiijiet, se jibqa’ mfakkar għad-diversi rwoli li kellu u proġetti li kien involut fihom. Fosthom kellu sehem fit-twaqqif tal-istazzjon tar-radju RTK u ilu jservi bħala l-Isqof ta’ Għawdex għal kważi 14-il sena.

Matul dawn is-snin għamel diversi żjarat f’parroċċi lokali u anke barranin. Mexxa l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ 24 saċerdot djoċesan u ħadem biex jitwettqu diversi proġetti soċjali.

Esklussiva: Il-Papa nnifsu kellem lill-Isqof Grech dwar il-kariġa ġdida

Min huwa Mons. Mario Grech?

Mons. Mario Grech twieled fil-Parroċċa tal-Qala fl-20 ta’ Frar 1957. L-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu saret fil-Katidral ta’ Għawdex f’Mejju tal-1984 minn idejn l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi. Wara ntbagħat Ruma fejn kiseb il-Liċenzja fil-Liġi Kanonika u Ċivili fl-Università Pontifiċja tal-Lateran. Kiseb ukoll id-Dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino.

Meta kien Ruma, ħadem fil-kamp tal-Liġi Kanonika fit-Tribunali tal-Knisja f’Ruma.

Mons. Grech jirritorna Għawdex

Meta ġie lura Għawdex ġie assenjat diversi ħidmiet pastorali fil-Kurja Djoċesana. Serva bħala l-Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurja għal xi snin. Fl-1993 inħatar bħala Vigarju Ġudizzjali għat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex u fl-istess waqt Imħallef fit-Tribunal tal-Knisja f’Malta.

Mons. Grech kien involut f’żewġ proċessi ta’ beatifikazzjoni – dawk ta’ Madre Margerita DeBrincat u Mons. Ġużeppi De Piro. Dawn kienu l-fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u l-fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl rispettivament.

Kellu sehem fit-twaqqif tal-istazzjon tar-radju RTK 103 FM (illum 103) kif ukoll fil-bini tal-Lumen Christi Media Centre.

Fl-2004 Mons. Grech aċċetta li jidħol għat-tmexxija tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor f’Ta’ Kerċem Għawdex.

Nominat mill-Papa biex isir isqof

Mons. Mario Grech ġie nominat mill-Papa Benedittu XVI bħala t-tmien Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex fis-26 ta’ Novembru 2005. Il-Konsagrazzjoni Episkopali saret fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat Għawdex fit-22 Jannar tal-2006. Ġie kkonsagrat mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, assistit mill-Arċisqof ta’ Malta Ġużeppi Mercieca u n-Nunzju Appostoliku ta’ Malta Felix del Blanco Prieto.

Il-motto tal-Isqof: In Fractione Panis (Fil-Qsim tal-Ħobż)

Il-Ministeru Episkopali tal-Isqof

  • Viżti Pastorali fil-15-il komunità parrokkjali tad-Djoċesii bejn l-2013 u l-2016
  • Kiteb 20 Ittra Pastorali bħala Isqof
  • Żar l-emigranti fl-Istati Uniti, fil-Kanada, u l-Awstralja
  • Żar l-artijiet tal-missjoni fl-Albanija, fil-Brażil, u fil-Perù
  • Ħadem għall-paga minima għall-kleru Għawdxi
  • Introduċa hostels għall-istudenti Għawdxin f’Malta
  • Fetaħ il-Proċessi Djoċesani tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni ta’ żewġ Għawdxin
  • Kien il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija (2013-2016)
  • Kien ir-rappreżentant tal-Konferenza Episkopali Maltija fuq il-COMECE u s-CCE u tliet Sinodi tal-Isqfijiet