L-Isqof Grech “mhux mistenni jitlaq qabel Awwissu” – sorsi mill-Vatikan

Read in English.

“Jekk kollox jibqa’ kif inhu, mhux mistenni li l-Isqof ta’ Għawdex jitlaq qabel Awwissu tal-2020”. Dan kien il-kliem li ntqal lil Newsbook.com.mt minn osservaturi tax-xena ekleżjastika dwar l-għajdut li n-Nunzjo Appostoliku beda jfittex is-suċċessur ta’ Mons. Mario Grech.

L-istess sorsi qalu li skont it-timeline preżenti, s-sottomissjoni tat-‘terna’, it-tliet ismijiet li jiġu sottomessi għall-iskrutinju mill-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, aktarx titħejja f’Marzu. Il-kongregazzjoni mbagħad tagħmel rakkomandazzjoni lill-Papa.

Għawdex diġà għandu 5 Isqfijiet ordnati. Għalkemm jaf ikun hemm wiċċ ġdid li jieħu post Mons. Grech, jista’ jkun li jilħaq isqof Malti b’dixxendenza Għawdxija. Sorsi qalu li huwa possibli li jilħaq l-Isqof Bugeja li bħalissa qed iservi fil-Libja. L-Isqfijiet ordnati l-oħra wkoll jaf jiġu kkunsidrati għall-kariga.

L-aħbar dwar il-ħatra ta’ Mons. Grech kienet qalet li kien se jokkupa l-kariga ġdida tiegħu f’Awwissu tal-2020 meta l-Kardinal Baldisseri jirtira.

Sorsi mill-Vatikan spjegaw li l-irtirar ta’ kardinal hija ħaġa elaborata. Jidher li t-tranżizzjoni ta’ Mons. Grech mhux se tkun waħda qasira.

Is-sorsi qalu li l-ħatra ta’ Mons. Grech ma saritx bħas-soltu. L-Isqof ma tantux huwa magħruf fost dawk midħla tal-Vatikan u qajjem ċertu interess.

“Qed jiġi deskritt bħala l-Field Marshall tal-Papa peress li l-pożizzjoni tiegħu, aktarx, se tkun qed titraduċi d-direzzjonijiet tas-Sinodu u tal-Papa fi strateġija ċara,” qal wieħed mis-sorsi.

Newsbook.com.mt staqsa lis-sorsi kif il-profil ta’ Mons. Grech ġie elevat.

“Id-diskors tiegħu fis-Sinodu kien game-changer. Sfida l-motivazzjoni tal-Papa li jsejjaħ Sinodu, direttament, u tenna x-xewqa tal-Papa Franġisku għall-bidla, Il-Papa Franġisku ma jdawwarx lilu nnifsu b’yes-men u dan kien mument li fetaħlu għajnejh,” qal sors minnhom.

Esklussiva: Il-Papa nnifsu kellem lill-Isqof Grech dwar il-kariga ġdida