​L-Isqof Grech: “Marija hija purtinara li għandha tiġi afdata”

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li Marija hija purtinara li nistgħu nafdwaha.
F’omelija fil-pellegrinaġġ nazzjonali tal-morda tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ San Ġwann fis-Santwarju ta’ Pinu, l-Isqof Grech qal li dak li Alla għamel ma’ Marija, lest li jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof Grech qal li Alla ma jagħtix każ tal-konfużjoni li jkun hemm fil-kmamar tagħna, għax huwa jħares lejn il-persuna.
Spjega li għalih il-bniedem huwa dejjem sagru, anki jekk ikun jgħix fit-taħwid. L-iktar ħaġa importanti, kompla jgħid l-Isqof Grech, hija l-kamra interjuri li tfisser il-qalb tal-bniedem. 
Appella lill-morda li Alla qatt ma hu se jabbandunahom, iżda għal kuntrarju jkun irid iżomm kumpanija lil marid.
Fakkar ukoll fil-Festa tal-Madonna tar-Rużarju, u qal li l-Madonna Ta’ Pinu se tgħin lil morda meta l-Mulej iħabbat fuq il-bieb tal-kamra tagħhom. Kien hawnhekk li qal li Marija hija “purtinara li għandha tiġi afdata”.
Fi tmiem il-Quddiesa, il-Kavallieri ta’ Malta rregalaw sett ta’ wheelchairs ġodda u apparat ieħor għall-użu tal-morda u l-anzjani lis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu.