L-Isqof Grech maħtur uffiċjalment Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Read in English.

Ilbieraħ, il-Papa Franġisku ħatar uffiċjalment lil Mons. Mario Grech, l-Isqof Emeritu ta’ Għawdex, bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

L-aħbar ixxandret illum fil-Bullettin tas-Sala Stampa tal-Vatikan f’12pm.

Mons. Grech qed jokkupa din il-kariga wara l-Kardinal Lorenzo Baldisseri, li serva fil-kariga mill-21 ta’ Settembru 2013, u fi żmienu nżammu erba’ Sinodi, li tlieta minnhom ħa sehem fihom l-Isqof Grech bħala Isqof ta’ Għawdex u President tal-Konferenza Episkopali Maltija.

Kien fit-2 ta’ Ottubru tal-2019 li l-Papa Franġisku ħabbar li kien qed jaħtar lil Mons. Mario
Grech, dakinhar Isqof ta’ Għawdex, bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Ix-xogħol ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, bl-uffiċċju tiegħu fil-Vatikan, hu li jkun Kap ta’ dan id-Dekasteru importanti f’isem il-Papa, li huwa l-President.

Is-Segretarju Ġenerali, nominat mill-Papa nnifsu, imexxi l-ħidma tas-Segreterija Ġenerali, jippresiedi l-laqgħat fl-assenza tal-Papa, u jikteb l-atti tagħha; jinnomina l-Uffiċjali tas-Segreterija, li jiddependu minnu, u jikkomunika lill-Papa dak kollu li għandu x’jaqsam mal-attività tas-Segreterija.

F’diskors qasir li għamel f’din l-okkażjoni fil-preżenza tal-Papa, l-Isqof Grech irrefera għax-xewqa mhux imwettqa li kellu fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu li jikteb l-ewwel Ittra Pastorali tiegħu fuq il-Knisja. “Wara esperjenza sabiħa fit-treġija ta’ Knisja fil-periferija, li għamilt fid-djoċesi tiegħi”, qal lill-Papa, “int sejjaħtli għal dan il-ministeru ġdid”. Billi “Knisja u Sinodu huma sinonimi”, irrimarka huwa u jikkwota lill-Griżostmu, b’ferħ kbir issa sab ruħu “fil-qalb tal-Knisja”.

Mons. Grech esprima gratitudni u ammirazzjoni lejn il-predeċessur tiegħu l-Kardinal
Baldisseri, u fisser ix-xewqa tiegħu li jimxi fil-passi tiegħu. Intant, Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, flimkien mal-Arċiprieti u l-Kappillani Għawdxin miġbura flimkien għal Seminar, qed bagħtu messaġġ ta’ awgurju lill-Isqof Grech.

L-Isqof Teuma dwar l-Isqof Grech fl-ewwel Ittra Pastorali tiegħu
“Permezz tal- Isqof Grech, il-Mulej tana ħafna grazzji” – L-Isqof Anton Teuma