L-Isqof Grech jitlob lill-poplu biex jifhem “l-importanza tal-lejl”

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, enfasizza li l-Ewkaristija ma titwelidx f’xi kuntst fantastiku, tal-istampi jew divertenti, u ħeġġeġ lill-Insara biex jifhmu kemm kien traġiku l-lejl li fih Ġesù ta’ ġismu u demmu bħala l-ikel tagħna.
Waqt l-omelija fit-Tifkira solenni tal-Ikla tal-Mulej, iċċelebrata lbieraħ filgħaxija fil-Katidral ta’ Għawdex, Mons. Grech qal li Ġesù waqqaf l-Ewkaristija billejl, allura m’hemmx Ewkaristija mingħajr lejl u anki bil-maqlub.
“Ġesù ma jagħtiniex dan l-ikel waqt xi xalata qalb l-għelieqi jew xi barbikju ħdejn il-baħar; l-Ewkaristija lanqas isseħħ waqt xi festa kollha allegrija mal-familjari jew mal-ħbieb”, sostna l-Isqof, u qabbel l-Ewkaristija ma’ torċa billejl.
Huwa għalhekk li l-Ewkaristija tipprovokana niflu l-lejl li minnu telqet.
Huwa u jirreferi għal Ġuda, qal li f’dak il-lejl il-bewsa ġiet iddesakrilizzata, “simbolu tal-imħabba saret simbolu ta’ ċaħda, minn simbolu ta’ qalb tbaqbaq bl-imħabba saret espressjoni ta’ qalb mimlija mibegħda, qilla u vendetta. Kien il-lejl tas-solitudni fejn Ġesù safa waħdu għax anki l-ħbieb intimi tiegħu raqdu u ħallewh jaqdef waħdu! Għal Ġesù kien il-lejl tad-delużjoni u l-falliment!”, fakkar l-Isqof Grech.
Finalment, Mons. Grech qal li l-Ewkaristija turina li twil u tqil kemm hu l-lejl, l-Ewkaristija solenni li tana Kristu bl-imħabba tiegħu troddilna lura t-tama li neħtieġu.
“L-Ewkaristija hija r-rigal ta’ Ġesù biex aħna ma naqtgħux qalbna quddiem id-dgħufija, il-ħażen ta’ madwarna, u nipperseveraw sal-aħħar”.