L-Isqof Grech jitlob li r-rivoluzzjoni tkompli

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech talab li r-rivoluzzjoni kbira li beda Alla f”Nazaret u li biha inawgura era ġdida għall-bnedmin tkompli llum. L-Isqof Grech qal dan waqt omelija fis-Santwarju tat-Tħabbira tal-Mulej, f’Nazaret.

L-Isqof ta’ Għawdex qal li fil-komunitajiet ekkleżjali ta’ żmien Kristu insibu min il-qima tiegħu lejn Alla mhux joħroġha mill-qalb kien iżda mill-fomm biss. Hu spjega kif mal-medda tas-snin, id-damma tal-liġijiet li Alla ta lil Mosè kienu miżjuda minn regoli reliġjużi oħra maħluqa mill-bniediem. B’konsegwenza ta’ dan, ir-reliġjon tilfet l-awtentiċità tagħha u saret reliġjon immexxija mill-bniedem.

“Ħadd ma hu eskluż mill-imħabba ta’ Alla”

L-Isqof Grech qal li ħadd m’għandu jħossu eskluż mill-imħabba ta’ Alla. Ħadd m’għandu jħossu li mhux tajjeb biżżejjed biex Alla jirrelata miegħu għax qal li hu dejjem jinduna aktar kemm il-kriterji ta’ Alla huma differenti minn dawk tal-bniedem. Ebda sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha ma hi ta’ xkiel biex Alla jidħol f’relazzjoni magħna.

Il-messaġġ dwar il-ferħ li nsibu fl-Evanġelu, qal l-Isqof Grech, huwa balzmu għall-bniedem ta’ kull żmien waqt li kompla jgħid li  Alla jagħtina mottiv biex ma niddisprawx, imma nissaħħu fit-tama. L-Isqof Grech qal li din hija r-rivoluzzjoni li għandu bżonn il-bniedem illum. Hemm bosta affarijiet li jtaqqlu l-qlubna u l-ħajja tal-Knisja llum, iżda rridu nżommu quddiem għajnejna dak li Alla qal lil Marija: “Ifraħ, għax int sibt grazzja”.

L-Isqof Grech qal li wieħed ma jridx biss jafda fil-ħiliet, kompetenzi u l-intelligenza tiegħu personali, iżda wieħed irid jintelaq f’dirgħajn Alla u jaħdem miegħu id f’id. Iżda wieħed irid li jistenna sakemm tasal is-siegħa tiegħu u b’hekk Alla jidħol fl-istorja personali ta tak li jkun. Ma rridux li nkunu aħna li nidħlu fil-proġett ta’ Alla, iżda rridu nistennew li Alla jsejħilna fil-proġett tiegħu.

Għall-omelija sħiħa għafas hawn.