L-Isqof Grech jistaqsi jekk il-foqra għandhomx wisa’ fil-komunitajiet

L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech staqsa jekk il-foqra għandhomx wisa’ fil-komunitajiet parrokjali Maltin jew jekk isirx biss kuntatt magħhom mis-sagristiji.
Waqt il-Quddies tat-Tberik taż-Żjut li saret fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat Għawdex, l-Isqof Grech kompla jistaqsi jekk il-bniedem hux qed ikun leali għall-Vanġelu ta’ Krisu.
Huwa qal li “hija ħasra li l-foqra saru ballun fl-arena politika”. Qal li filwaqt li hemm min għandu interess li jsemmihom, hemm min jipprova jaħbihom. Qal li l-foqra ma jkollhomx rappreżentazzjoni peress li ma jistgħux jisponsorjaw jew jixtru lill-kandidati.
Waqt l-omelija tiegħu, Mons. Grech qal li wara tletin sena ta’ ħajja moħbija, meta waslet is-siegħa li jikxef l-identità tiegħu, Ġesù mar fis-sinagoga u qal “l-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-tajba lill-fqajrin”. Mons. Grech qal li Ġesù għażel li jiffoka fuq il-foqra u mhux fuq il-missjoni reliġjuża tiegħu. Żied jgħid li dan jikxef min huwa tassew Ġesù, jiġifieri li huwa ħabib tal-foqra. Skont l-Isqof, “fil-Vanġeli aktar tinstema’ l-kelma ‘fqajrin’ milli l-kelma ‘midinbin’.”
L-Isqof ta’ Għawdex saħaq li l-kult li jogħġob lil Alla huwa dak fejn hemm ġustizzja mal-fqar, tqassim ekwu tal-ġid ma’ min qed jgħix fil-miżerja, u r-rispett lejn is-saltna tad-dritt fir-rigward ta’ min hu soċjalment oppress.
Mons. Grech innota b’dispjaċir li ġieli ppropona inizjattivi dwar aktar ħidma fost il-foqra fil-Knisja f’Għawdex li dwarhom ma sabx kooperazzjoni. Qal li jibża’ li mhux qed tingħata biżżejjed attenzjoni lill-foqra.
Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof Grech ippreżenta lill-Arċisqof Alfred Xuereb Nunzju Appostoliku fil-Korea u l-Mongolja ċurkett u salib pettorali, it-tnejn bix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu, bħala rigal mid-Djoċesi ta’ Għawdex, is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu u l-kleru kollu djoċesan. Saru wkoll preżentazzjonijiet oħra mill-Kapitlu u l-Parroċċa tal-Katidral.

Ritratti: Elizabeth J. Bugeja