L-Isqof Grech jidentifika tliet għanijiet għad-Djoċesi t’Għawdex

Waqt l-omelija fil-Quddiesa ta' radd il-ħajr, li permezz tagħha fakkar l-10 anniversarju tal-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech talab lis-saċerdoti ta’ madwaru biex, fis-snin li ġejjin, jgħinuh jilħaq tliet għanijiet ġodda.
L-ewwel, li s-saċerdoti jkunu mezz li jiftħu l-possibiltà tal-bniedem għal Kristu; li s-saċerdoti jiftħu l-possibiltà tas-sagramenti għal kull bniedem; u li l-Knisja f’Għawdex taħdem iktar fil-qasam tal-karità.
L-Isqof Grech spjega x-xewqa tiegħu li d-Djoċesi taħdem iktar fil-qasam tal-evanġelizzazzjoni u l-ħidma pastorali, inkluż b’inizjattivi ta’ katekeżi.
Spjega wkoll li għandu jkun il-bniedem li jirregola lilu nnifsu quddiem Alla u li s-saċerdot m’għandux joqgħod ikejjel il-mertu li jaħseb li għandu persuna biex jirċievi s-sagramenti.
Stqarr ukoll li d-Djoċesi tista’ tagħti iktar mil-lat ta’ karità u tilqa’ madwarha lil dawk li huma fil-bżonn.
Fl-aħħarnett, l-Isqof Grech semma’ l-esperjenza sabiħa tal-Viżta Pastorali li beda fil-familji Għawdxin tliet snin ilu, li qed tissokta f’żoni identifikati. Bħalissa, l-Isqof qed jagħmel Viżta Pastorali fl-inħawi tal-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb fir-Rabat, Għawdex.