L-Isqof Grech jgħid li rridu naħsbu barra mill-kaxxa

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li qed ngħixu fi żmien immarkat minn dak li jissejjaħ il-ħsieb uniku jew il-ħsieb dominanti u hemm ir-riskju li nispiċċaw vittmi ta’ “group thinking”. Dan ifisser li l-ħsibijiet tagħna ftaqru ħafna għax hemm ir-riskju li nitkellmu u naġixxu bla ma naħsbu.
L-Isqof Grech kien qed jitkellem waqt l-Omelija tal-quddiesa li ttellgħat b’suffraġju tas-saċerdoti li ħadmu fl-Oratorju Don Bosco, li ttellgħat fir-Rabat, Għawdex.
Saħaq kif meta jirrifletti fuq id-djalogu li għadda bejn Ġesù u Pilatu, partikolarment meta Ġesù jgħid li s-saltna tiegħu mhix ta’ din id-dinja, jiġih f’moħħu li Ġesù kien qed jipprovoka lil Pilatu biex bħala mexxej jaħseb “barra mill-kaxxa” u ma jikkuppjax “slaten” oħra.
Ġesù kien qed ifisser lil Pilatu li hemm mod differenti kif wieħed jibni s-soċjetà. Meta Ġesù jgħid li s-saltna tiegħu mhix t’hawn, ried ifisser ukoll li Hu għandu viżjoni, kriterji u atteġġjamenti differenti minn tagħna l-bnedmin kif jorganizza s-saltna.