L-Isqof Grech jgħaddi €50,000 lill-Ministru għas-Saħħa għal ventilator

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex l-Isqof Mario Grech għadda l-€50,000 li nġabru, b’inizjattiva tiegħu, għax-xiri ta’ ventilator, lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Dan wara li l-Isqof għamel sejħa lill-Knisja f’Għawdex xahar ilu biex tinġabar din is-somma sabiex jittaffa xi ftit mill-piż fuq l-awtoritajiet tas-saħħa fi żmien l-imxija tal-coronavirus.

Fl-ittra tiegħu lill-Ministru, l-Isqof Grech kiteb hekk: “Qed ngħaddi s-somma ta’ €50,000 li l-Knisja f’Għawdex għoġobha toffri biex tirreċiproka sejħa li jien għamilt biex jiġi megħjun l-isforz nobbli kontra l-pandemija tal-Covid-19 mill-Ministeru għas-Saħħa. Parti mhux żgħira minn din is-somma huwa s-sehem li offrejna aħna l-qassisin. Kienet l-intenzjoni tiegħi li jinġabru fondi biex jinxtara ventilator li jassisti fil-kura tal-pazjenti li l-aktar jintlaqtu ħażin mill-virus, preferibbilment dawk minn Għawdex. Konvint li l-Ministeru għas-Saħħa se jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi, kif jidhirlu xieraq. Filwaqt li f’isem il-Knisja f’Għawdex irrodd ħajr lilek u lill-kollaboraturi tiegħek għas-servizz li qegħdin tagħtuna, bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom.”

Is-somma kollha li nġabret kienet ta’ €60,230. Dak li fadal wara li saret l-għotja ta’ €50,000 se jgħaddi lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikun jista’ jkompli jwieżen lil dawk li minħabba din il-pandemija għandhom diffikultajiet finanzjarji.

Il-kont bankarju “COVID 19” se jibqa’ miftuħ għal min jixtieq jagħmel donazzjonijiet ta’ karità u jgħin lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikompli jifrex l-għajnuna f’dawn iż-żminijiet partikulari.

Isem tal-kont: COVID 19
Numru tal-kont: 35452320032
IBAN: MT91APSB77013000000035452320032
Swift Code: APSBMTMT

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll fuq il-linji tat-telefown:
51502095 – €5
51602017 – €10
51002021 – €20
51902087 – €50

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn