L-Isqof Grech jappella lill-kappillani għall-ħniena, li jkunu pro-attivi

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech appella lill-Kappillani f’Malta u f’Għawdex biex ikunu “preżenza li toffri tama lil min m’għandux”, jew “missjunarji” tal-ħniena t’Alla u attenti biex qabel il-bniedem jersaq lejn it-tempju, ikunu huma li jersqu lejh u joffrulu l-barka t’Alla.
L-Isqof Grech kien qed ikellem lill-kappillani miġbura f’esperjenza ta’ live-in fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtù, hekk kif f’omelija rrifletta fuq il-Vanġelu tal-ġurnata, dwar Anna omm Samwel.
Appella għal “doża qawwija ta’ sabar, mogħdrija, miżerikordja u mħabba” u saħaq li s-soċjetà għandha ħafna “Anniet” – fis-sens ta’ persuni li jkunu għaddew minn esperjenzi koroh – li jixtiequ “jwelldu” ħajja ġdida imma li ma jirnexxilhomx.
Appella lill-kappillani biex il-ġudizzju jħalluh f’idejn Alla waqt li jikkonċentraw xogħolhom fuq li “jinfaxxaw il-feriti u jixxuttaw id-dmugħ”, li “jaqraw il-qlub” anke meta huma stess ma jkollhomx il-kuraġġ jesprimu dak li jsorru f’qalbhom. Tenna li għal Alla m’hemm ebda għoqda li ma tistax tinħall.