L-Isqof Grech isejjaħ għal Knisja li timxi fit-triq man-nies

Bħala proponimenti għas-sena l-ġdida, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech wera x-xewqa li l-knisja f’Malta tibda tagħti priorità lil-Kelma t’Alla, li tkun ħafna aktar tan-nies u anqas ‘istituzzjoni’ u li tkun knisja li tkun qrib dawk li huwa ddeskriva bħala l-Imsallbin. Huwa qal dan lill-kleru Għawdxi waqt laqgħa għas-sena l-ġdida.

L-Isqof Grech ta ħarsa lejn il-Konċilju Vatikan II u staqsa kemm minn din ir-rebbiegħa l-ġdida tal-Knisja li seħħet aktar minn 50 sena ilu qed titwettaq f’Malta. Staqsa kemm il-kleru huwa miftuħ għall-bidla u kemm il-Knisja qed timxi fit-toroq fejn jimxu n-nies illum, fejn wasal it-tiġdid liturġiku u kemm il-kleru kien lest li jitlaq minn idejh il-knisja ‘imperjali’ . “Huwa dan l-istess biża’ li qed iġib rifjut tal-missier tagħna l-Papa Franġisku! It-tagħlim tal-Konċilju jiġri fil-vini tiegħu, idawwal il-ħsibijiet tiegħu, jixgħellu l-ħolm, jispira d-deċiżjonijiet tiegħu. Bir-raġun, għalhekk ir-reżistenza li ssir lill-Papa Franġisku hija reżistenza għall-Konċilju” qal l-Isqof Grech.

L-Isqof Grech qal li jħoss li għalkemm il-mill-Konċilju ‘l hawn twettqu għadd ta’ riformi tajbin fil-qalb u fil-moħħ ta’ ħafna għad hemm il-mudell ta’ Knisja antika. Huwa qal li ċ-ċavetta tal-misteru ta’ Kristu u l-Knisja jinsab fl-għarfien veru tal-Verġni Marija. “ Għad għandna min jitkellem dwar Marija b’paradigmi kulturali tal-imgħoddi (bħalma huma l-Barokk u r-Romantiċiżmu), mingħajr ebda referiment għall-fundament bibliku” qal l-Isqof Grech.

Għalhekk huwa ppropona knisja bi tlett karatteristiċi Marjani.Biex tkun apprezzata il-Kelma t’Alla, l-Isqof Grech qal li twaqqaf Istitut għall-ministeru Pastoral biex jindirizza il-formazzjoni pastorali tal-adulti. Karatterisitka oħra li offra l-Isqof t’Għawdex hija dik li l-Knisja ma tfittix garanziji umani u tgħix fil-preżenza t’Alla, mingħajr privileġġi u poter li tagħti d-dinja. Fl-aħħar nett, imdomm mal-karatteristika preċedenti, l-Isqof Grech semma l-ħtieġa ta’ knisja qrib ‘l-Imsallab’. “Proprju għax mhix missjoni faċli, nistgħu nċedu għat-tentazzjoni li nwarrbu s-salib mill-ħajja tagħna u naħdmu bil-lingwaġġ u l-mezzi tad-dinja. Dan ikun il-falliment tagħna, għax fi kliem il-Papa Franġisku, “il-mondanità toqtol il-Knisja” temm l-Isqof t’Għawdex