L-Isqof Grech iqabbel il-mewt ta’ Dun Ġwann ma’ kif ħassewhom l-appostli

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qabbel il-mewt ħabta u sabta ta’ Dun Ġwann Attard ma’ kif kienu qed iħossuhom l-Appostli wara l-mewt ta’ Kristu.
B’din it-tqabbila mal-ħajja ta’ Ġesù, l-Isqof Mario Grech beda l-Omelija tiegħu waqt il-funeral ta’ Dun Ġwann Attard fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Dun Ġwann Attard mix-Xewkija miet fl-età ta' 80 sena, waqt li kien qiegħed jiċċelebra Quddiesa fir-Rotunda tax-Xewkija stess.
Jispjega li fil-Vanġelu, Ġesù jibgħat messaġġ man-nisa li marru ħdejn il-qabar tiegħu jibgħathom il-Galilija biex hemmhekk jiftakru fl-ewwel esperjenza li huma kellhom tiegħu.
Għalhekk l-Isqof jgħid li bħal donnu jisma’ lil Dun Ġwann, jgħid biex jekk aħna mnikktin, niftakru x’seħħ dakinhar tal-Magħmudija, li għalina tfisser l-ewwel laqgħa ma’ Kristu.
Dwar Dun Ġwann, l-Isqof Grech qal li kellu ħafna għal qalbu l-ministeru tal-qrar. Jirrakkonta u jgħid li għal ħafna snin, fi żmien il-Milied u żmien il-Għid, kien jieħu lis-saċerdoti Prato jew Como fl-Italja biex jgħinu fil-qrar. Stqarr li Dun Ġwann jagħmlilna kuraġġ biex ma nibżgħux immorru għand Ġesù fis-sagrament tal-Qrar.
Lejn tmiem l-omelija, l-Isqof Grech talab ukoll għas-saċerdoti mejtin kollha li ddeskrivihom bħala dawk li “għaddewlna l-fidi fi Kristu Rxoxt”.