L-Isqof Grech iħeġġeġ lis-saċerdoti jmorru jqaddsu għand il-familji

Read in English.

L-amministratur Appostoliku l-Isqof Mario Grech ħeġġeġ lis-saċerdoti biex fiż-żmien li l-knejjes jinsabu magħluqa, ikunu huma li jmorru jżuru l-familji u hemm jiċċelebraw l-Ewkaristija skont ir-regoli tas-saħħa u mingħajr kuntatt ma’ persuni vulnerabbli.

Fl-Omelija fil-festa ta’ San Pawl iċċelebrata fil-Parroċċa tal-Munxar, l-Isqof spjega li fl-ewwel sekli fil-Knisja tad-dar kien ikun hemm il-fonti tal-Magħmudija u l-mejda tal-Ewkaristija. Stqarr li llum dawn sabu posthom fil-knisja parrokkjali.

Huwa spjega li għal-Lhud il-familja kienet post speċifiku fejn issir l-esperjenza u ċ-ċelebrazzjoni tal-fidi. Qal li d-dar kienet il-post fejn kienet tiġi trasmessa l-fidi lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, kif seħħ fil-ħajja tagħna. Fakkar ukoll kif għalina l-ewwel katekist la kien l-isqof u lanqas il-kappillan, imma l-ġenituri u n-nanniet tagħna. Stqarr li huwa jagħmel il-qalb meta jara l-esperjenza kateketika ġdida li qed issir fil-Parroċċa ta’ Għajnsielem fejn qal li l-familja hija mistiedna tkun parti mill-proġett kateketiku.

L-Isqof Grech qal li meta Ġesu tela’ s-Sema, l-Appostli komplew fuq il-linji tal-Imgħallem. Qal dan peress li ma bnewx knejjes, katidrali u bażiliċi għax dawn bdew jinbnew fis-seklu erbgħa.

Sinċerament inħoss li f’ċertu sens din l-imxija kienet grazzja (li rridu noqogħdu attenti li ma nitilfuhiex) għax għenitna nerġgħu mmorru lura għall-esperjenza li kienu jagħmlu l-Insara fl-ewwel sekli. Il-Knisja, bħala poplu ta’ Alla, ma twelditx fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, lanqas fil-Bażiliċi, imma fid-djar tal-Insara. Għalkemm it-Tempju ta’ Ġerusalemm kellu l-importanza ċentrali tiegħu, l-ewwel komunità Nisranija kienet torganizza l-attività tagħha fid-djar; sa mill-bidu l-Insara bdew jagħmlu l-esperjenza ta’ Kristu Msallab u Rxuxtat u l-qsim tal-ħobż fid-dar tagħhom.

Fir-riflessjoni li għamel dwar San Pawl, l-Isqof Mario Grech jgħid li dan l-appostlu jgħinna niskopru l-ġmiel tal-Knisja tad-dar. Stqarr li din l-esperjenza llum, ħafna mill-familji għandhom il-grazzja li jistgħu jgħixu. Huwa fisser kif f’dawn ix-xhur tal-imxija ra li l-Knisja “tħarrket” u “imxiet”. Huwa spjega dan għax flok ma bqajna niltaqgħu fil-knejjes, skoprejna li hemm “knisja” oħra fl-irdoss tal-familji.

Huwa għalhekk talab li fil-festa f’ġieħ San Pawl Missierna, inħallu lill-Appostlu jgħinna niskopru u napprezzaw id-don kbir li ħallielna l-Mulej Ġesù, jiġifieri dak li aħna ngħixu l-Knisja fi ħdan il-familji tagħna.

Huwa rringrazzja lill-familji tal-Munxar li fi kliemu kienu għaqlin u meta kellhom jingħalqu l-bibien tal-knisja l-kbira, huma fetħu l-bieb tal-Knisja li tiltaqa’ f’darhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn