L-Isqof Grech fiduċjuż li se jirċievi ħafna ittri

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li huwa fiduċjuż li bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, se jkun hemm żgħażagħ li xi darba jsibuh u jgħidulu “Għandi ittra għalik”. Huwa kien qed jieħu spunt minn ġuvnott tas-Sixth Form li ftit żmien ilu resaq lejh u qallu li kellu ittra għalih. 
Meta l-Isqof Grech staqsieh x’kienet tgħid din l-ittra, il-ġuvnott wieġbu li fiha kien qed jitlob li jiġi aċċettat fis-Seminarju biex jibda l-formazzjoni għas-saċerdozju. 
F’messaġġ fil-laqgħa djoċesana għall-kreżimandi Għawdxin fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, l-Isqof Grech appellalhom biex jilqgħu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jagħmel minnhom dak li s-soċjetà ma tafx tbassar. 
Qal li żgur mhux kulħadd se jkollu ittra għas-saċerdozju iżda din tista’ tkun ittra li persuna se tiżżewweġ jew biex isib il-professjoni tiegħu.
Spjega li kulħadd qed jikteb ittra għall-glorja ta’ Alla u għas-servizz tal-oħrajn. 
L-Isqof Grech semma eżempju ta’ grupp żgħażagħ li ntilfu waqt li kienu qed jikkampjaw f’bosk fl-Italja u dwar kif wieħed minnhom imdawwal bl-Ispirtu s-Santu, irnexxielu joħroġhom minn ġol-bosk. Qal li dan ma ġarax għax kellu xi sens ta’ direzzjoni, iżda għax kien imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu. 
Irrefera għall-istorja ta’ San Ġorġ li ddeskriva bħala żagħżugħ li kontinwament kien jagħmel l-għażliet tiegħu biex ma jimxix mal-kurrent u biex ma jintilifx. 
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, l-Isqof Grech talabhom biex l-ewwel ħaġa li jagħmlu x’ħin jaslu d-dar jirringrazzjaw f’ismu lill-ġenituri tagħhom.
Qal li l-ġenituri huma l-ewwel katekisti qabel il-kappillani u s-saċerdoti.