L-Isqof Grech b’messaġġ lil Patri Cefai fl-Ordinazzjoni Episkopali

Illum Patri Giovanni Cefai M.S.S.P. inħatar bħala l-ewwel Isqof tal-Prelatura Territorjali l-Ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil-Perù, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech bagħatlu messaġġ li nqara waqt il-Quddiesa tal-Konsagrazzjoni Episkopali. Il-quddiesa bdiet fil-5pm ħin ta’ Malta fil-Katidral ta’ Arequipa, il-Perù.

Fil-messaġġ tiegħu l-Isqof Grech qallu li l-ġurnata tat-22 ta’ Ġunju tfakkar l-anniversarju minn meta fil-Kappella Ta’ Pinu, il-Verġni Mbierka fetħet djalogu ta’ mħabba ma’ Karmni Grima u Franġisk Portelli. Huwa qal eluf ta’ pelligrini għadhom imorru kull sena f’dan is-Santwarju. Żied li f’din il-ġurnata l-qniepen daqqu wkoll għax wieħed minn uliedha se jirċievi l-Ordinazzjoni Episkopali u jingħaqad mal-Kulleġġ tal-Appostli. L-Isqof qal li dan huwa mottiv ta’ ferħ kbir li jġorr miegħu resoponsabbiltà sabiex jkomplu jiftakru fih speċjalment fit-talb.

Semma kif l-isfidi li għandu huma kbar iżda huwa assigurah li mill-esperjenza tiegħu ”Alla ser jagħtik il-’grazzja tal-istat‘ ġdid li inti għandek“. Żied li huwa fehemha biss meta ġarrabha u awgura lil Patri Cefai li jiġri hekk lilu wkoll.

Mons. Grech feraħ lil Patri Cefai f’isem il-poplu Għawdxi u qallu li filwaqt li jafdah f’idejn il-Madonna ta’ Pinu jitlob il-barka episkopali tiegħu mill-Perù.