L-Isqof Grech b’ħatra ġdida mill-Papa

Read in English.

Il-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Mario Grech fuq il-Kunsill Pontifiċu għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara.

L-Isqof Grech ġie maħtur bħala membru flimkien mal-Kardinal Joseph William Tobin, Arċisqof ta’ Newark, Mons. Paulo Cezar Costa, Isqof ta’ San Carlos, Mons. Paul Rauhana, Isqof titulari ta’ Antardo u Isqof Awżiljarju ta’ Joubbé, Sarba u Jounieh dei Maroniti u Mons. Richard Kuuia Baawobr, Isqof ta’ Wa.

Mons. Giacomo Morandi, Isqof titulari ta’ Cerveteri u Segretarju tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, u Mons. Giorgio Demetrio Gallaro, Arċisqof Emeritu ta’ Piana degli Albanesi u Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali, inħatru bħala konsulturi.

L-Isqof Mario Grech, li hu l-Isqof Emeritu ta’ Għawdex, hu mistenni li fix-xhur li ġejjin jinħatar Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fi ħdan is-Santa Sede.