L-Isqof Grech b’ġabra biex jinxtara ventilator għall-pazjenti Għawdxin

KULL LAQXA TIRFED L-IMRAMMA

“KULL LAQXA TIRFED L-IMRAMMA” ID-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX U L-COVID-19“Nagħmel sejħa biex nimpenjaw ruħna li kull wieħed minna jagħmel kontribuzzjoni biex jinxtara ventilator li huwa stmat li jiswa madwar €50,000. Din il-kriżi tista’ tfaqqarna materjalment, imma mhux ser jirnexxilha tfaqqarna mill-imħabba!” – L-Isqof Mario GrechL-għotjiet jistgħu jiġu depożitati f’dan il-kont bankarju permezz ta’ online banking jew permezz ta’ Revolut: Isem tal-kont: COVID 19 Numru tal-kont: 35452320032 IBAN: MT91APSB77013000000035452320032 Swift Code: APSBMTMTL-għotjiet jistgħu jitħallew ukoll mal-Kappillani tal-Parroċċi jew mar-Retturi tal-Knejjes.

Posted by Diocese of Gozo on Thursday, April 2, 2020

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex l-Isqof Mario Grech beda ġabra sabiex jinxtara ventilator li se jingħata lill-awtoritajiet tas-saħħa għall-użu tal-pazjenti Għawdxin.

Fil-Jum tad-Duluri, l-Isqof Grech kiteb ittra li se tinqara fil-quddies li se tixxandar live minn Għawdex illum. Fiha qal li “Bħalma Marija ma kinitx taf tibqa’ gallarija quddiem it-tbatija ta’ Ġesù, hekk ukoll aħna ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem il-passjoni li għaddej minnha l-bniedem minħabba l-imxija tal-Covid-19.”

L-Isqof stqarr li huwa xieraq li bħad-Duluri, kulħadd jerfa’ ftit mill-piż ta’ bħalissa. Huwa ġie avviċinat minn għadd ta’ Nsara, fosthom xi żgħażagħ li staqsewh kif jistgħu jgħinu. Wara li sema’ l-parir ta’ xi saċerdoti, qed jagħmel appell sabiex l-Għawdxin idaħħlu jdejhom fil-but u jagħtu xi ħaġa tal-flus sabiex jinxtara ventilator bħala l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet ts-saħħa.

Huwa żied jgħid, “L-ossiġnu li permezz ta’ dan l-istrument se jingħata lill-pazjent inqisuh qed jingħata lil Kristu. Niftakru li kien Kristu nnifsu li qalilna: ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni’ (Mt 25:34-36). Ma’ dawn wieħed jista’ jżid: ‘kont marid fis-sodda qed nifga u bl-istrument li tajtni għentni nerġa’ nieħu n-nifs!’”

L-Isqof qal ukoll li minn mindu faqqgħet din l-imxija, is-saċerdoti farrġu lill-poplu bil-Kelma t’Alla, iżda issa jixtiequ jgħinu lil min qed jinqatagħlu n-nifs letteralment bil-pulmuni tan-nifs. Huwa għamel sejħa lis-saċerdoti tad-Djoċesi t’Għawdex biex kull wieħed minnhom jagħmel kontribuzzjoni ta’ mhux inqas minn €100. Talab ukoll lill-Kappillani, lir-Retturi, lill-Kunventi u lill-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, u lill-Għaqdiet Reliġjużi biex mill-kaxxa komuni tagħhom jagħmlu l-istess.

Il-ventilator hu stmat li jiswa madwar €50,000.

Temm l-ittra tiegħu billi qal li f’dan iż-żmien ta’ ħafna inċertezzi, il-karità tal-poplu hija ċertezza li hu konvint minnha.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn