L-Isqof Giovanni Cefai jappella lill-Maltin biex jgħinu lin-nies tal-Perù

L-Isqof Giovanni Cefai appella lill-Maltin biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom biex jgħinu lin-nies tal-Perù, li hu jgħix u jaħdem fosthom, f’dan iż-żmien diffiċli.

Fuq Facebook, l-Isqof kiteb li qiegħed iżur lill-familji fiż-żona fejn joqgħod hu li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ żmien diffiċli minħabba l-kwarantina. Qal li filwaqt li jieħu gost jgħinhom, iħoss diqa kbira meta jarahom ibatu.

Semma wħud mill-familji li jiltaqa’ magħhom, fosthom omm li trid trabbi ħamest itfal waħedha, li l-uniku sapport li għandha hu mingħand in-nannu ta’ wliedha, familja b’ħamest itfal, li wieħed minnhom huwa mejjet u tliet ulied oħra għandhom bżonnijiet speċjali. Il-wild l-ieħor irid jissapportja lill-familja kollha, filwaqt li l-omm għandha kundizzjoni medika, peress li ma tistax timxi, imma tqatta’ l-ġurnata kollha ssajjar għal familtha. L-Isqof stqarr li din il-koppja, li tiddedika ħajjitha lit-tliet ulied bi bżonnijiet speċjali, għalih huma qaddisin, avolja mhumiex kanonizzati.

L-Isqof qal lill-Maltin li jixtiequ jgħinu li jistgħu jagħmlu dan billi jagħmlu donazzjoni ta’ €10 liċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja, il-Ħamrun, jew direttament lill-BOV. Id-dettalji bankarji huma dawn:

Nru tal-kont bankarju: 4001765874-8 BOV
IBAN: MT44 VALL 2201 3000 0000 4001 7658 748
BIC CODE VALLMTMT

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn