L-Isqof George Bugeja jitkellem dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-Libja

Bishop George Bugeja

Il-Vigarju Apostoliku tad-djoċesi ta’ Tripli, l-Isqof Għawdxi George Bugeja f’dawn il-jiem ta’ intervista li fiha tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, il-problema tal-emigrazzjoni u l-ħidma tal-Knisja f’dan il-pajjiż imfarrak bil-gwerra.

Il-Libja ilha għaddejja minn gwerra għal dawn l-aħħar disa’ snin. Il-gwerra hi bejn il-forzi tal-Gvern u gruppi armati li t-tnejn għandhom għajnuna minn forzi barranin. Il-Konferenza ta’ Berlin li saret f’nofs ix-xahar li għadda suppost kellha twassal għal progress iżda dak miftiehem anqas baqa’ fis-seħħ imqar għal ġimgħa waħda biss.

L-Isqof Bugeja qal li l-Konferenza ta’ Berlin kienet pass pożittiv fi proċess twil biex jgħin lil-Libja ssib soluzjoni fejn fl-aħħar ikun hemm il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni. Dan mhux proċess faċli għax hemm diviżjonijiet kbar u l-partijiet fil-kunflitt huma ferm bogħod minn xulxin tant li jsibuha diffiċli ane biex joqgħodu madwar l-istess mejda tan-negozjati.

Proċess twil

M’hemmx dubju li d-diversi pajjiżi li ħadu sehem fil-Konferenza ta’ Berlin iridu jkomplu jagħmlu l-parti tagħhom u jitkellmu b’vuċi waħda u jpoġġi fil-prattika dak li kiendeċiż fil-Konferenza.

Il-waqfien mill-ġlied li dwaru kien hemm qbil bejn il-partijiet fil-kunflitt, dam anqas minn ġimgħa.   L-embargo dwar l-armi inkiser ukoll.

Sfortunatament reġa’ kien hemm il-ġlied wara li kien intlaħaq ftehim biex jieqaf. Il-ġlied joħloq it-tensjoni.  L-ajruport ta’ Tripli jiftaħ u jagħlaq skont iċ-ċirkostanzi iżda l-iskejjel, il-ħwienet u l-uffiċċji fil-parti ċentrali ta’ Tripli għadhom jiftħu.

Dwar ir-reguġjati l-Isqof Bugeja qal li l-problema ma hix il-Libja nnifisha.  Il-Libja hi pont li jwassal għall-Ewropa. Ir-refuġjati li jaslu fil-Libja minn pajjiżi tas-Sahara qed jaħarbu minn problemi f’pajjiżhom u jippruvaw ifittxu futur aħjar għalihom u l-familji tagħhom.

Għalhekk biex tonqos il-mewġa tar-refuġjati li jippruvaw jaslu fl-Ewropa, wieħed irid jgħin lill-pajjiżi minn fejn qed jitilqu u jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li hemm f’dawn il-pajjiżi. Jekk le, ir-refuġjati se jkomplu jaħarbu lejn l-Ewropa minkejja r-riskju għal ħajjithom, kif diġa’ ilhom jagħmlu.

Għalkemm l-insara fil-Libja huma minorita żgħira, il-vuċi tagħhom tinstema.

Il-preżenza tal-Knisja

“Il-politika mhix il-mod li bih naħdmu. Aħna Ministri Pastorali tal-Knisja Kattolika. Fil-limitazzjonijiet tagħna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex ngħinu lin-nies.  L-ewwel u qabel kollox bil-preżenza tagħna.  Irrid ngħid li l-Knisja Kattolika baqgħet fil-Libja tul il-gwerra avolja Knejjes oħra u l-ambaxxati tal-pajjiżi Ewropej kollha, telqu mill-pajjiż.  Għalhekk il-preżenza tagħna hi sinjal ta’ inkoraġġiment għal dawk kollha li jiġu l-knisja.

 “Barra minn dan, aħna għandna wkoll ċentru żgħir tal-Caritas mnejn ngħinu lil dawk fil-bżonn fosthom noffru l-ewwel għajnuna medika permezz ta’ tabib u xi nfermiera. U nofru wkoll xi ikel u affarijiet oħra”, qal l-Isqof Bugeja.

Lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar il-Papa Franġisku stieden lill-Isqfijiet tal-pajjiżi tal-Mediterran għal Konferenza li se ssir f’Bari fejn fost affarijiet oħra se jkunu diskussi l-kwestjoni tal-emigrazzjoni u l-paċi.

L-Isqof Bugeja qal li jittama li jkun jista’ jattendi għal din il-Konferenza li fl-aħħar jum tagħha se jattendi wkoll il-Papa Franġisku.

“Ma naħsibx li l-Isqfijiet preżenti se nsibu s-soluzzjonijiet aħna għall-problemi tal-Libja. Imma nistenna li nkunu kapaċi niddiskutu u nressqu s-sitwazzjonijiet partikolari tagħna, dak li kull Isqof qed jesperjenza fid-djoċesi tiegħu, nitgħallmu u ngħinu lil xulxin”, qal l-Isqof Għawdxi fil-kummenti tiegħu.