L-Isqof Galea-Curmi jinawgura r-restawr tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan

Read in English.

Tlesta xogħol ta’ restawr tal-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan u ġie inawgurat dalgħodu.

L-inawgurazzjoni saret mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.

Permezz ta’ dan il-proġett, li għalih ikkontribwew in-nies ta’ Ħal Balzan, twettaq xogħol ta’ restawr fuq il-kappellun tal-Kurċifiss, il-ħitan tas-sagristija minn barra, u l-kampnar. Ġew irranġati wkoll l-arloġġi, tneħħa materjal li kien mwaħħal mal-ħitan ta’ barra tal-knisja u tnaddfet il-ġebla mit-tniġġis tal-arja.

L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett tfakkarna fid-dmir li nieħdu ħsieb il-wirt reliġjuż, artistiku u kulturali. L-Isqof qal li l-knisja ta’ Ħal Balzan hi ġawhra tal-patrimonju Malti u rridu nieħdu ħsiebha sabiex tkompli tkun post sabiħ fejn il-poplu jħossu milqugħ, maħbub u megħjun biex jiltaqa’ mal-Mulej, li hu s-sbuħija fil-milja tagħha. Mons. Galea-Curmi rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u lill-poplu ta’ Ħal Balzan li kkontribwixxa għal dan il-proġett. Huwa rringrazzja wkoll lill-Kappillan Mons. Karm Farrugia li ħa ħsieb dan il-proġett, u lil dawk kollha li kienu involuti.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li r-restawr li sar fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan jifforma parti minn kullana ta’ proġetti f’numru ta’ lokalitajiet bil-għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku.

Permezz ta’ €4 miljun b’fondi Ewropej qegħdin jitwettqu numru ta’ interventi fuq diversi knejjes, kappelli, u biċċiet tal-arti li għandhom valur kulturali.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Michael Pace Ross qal li r-raħal ta’ Ħal Balzan hu mogħni b’karatteristiċi tradizzjonali li għandhom jibqgħu jiġu mħarsa għall-Maltin stess li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku tal-pajjiż u anke sabiex jattiraw turisti ta’ kwalità. Spjega li dan hu r-raba’ proġett li l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qiegħda tinawgura wara dawk tal-Mosta, l-Imdina u l-Bidnija.

Dan ix-xogħol sar b’investiment ta’ ftit aktar minn €122,000 b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-knisja ta’ Ħal Balzan, li nbniet madwar 350 sena ilu, hi waħda mill-knejjes f’Malta li bbenefikat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.