L-Arċisqof Frendo jiddaħħal l-isptar minħabba l-Covid-19

Read in English.

L-Arċisqof George Frendo ddaħħal l-isptar llum fl-Albanija fejn iservi bħala l-President tal-Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Albaniżi. L-Arċisqof Frendo għandu 74 sena.

Ħabbar dan l-uffiċċju stampa tal-Kurja f’Tirana fejn intqal li kien ilu għall-osservazzjoni fir-residenza fejn joqgħod sa minn meta ttestja pożittiv għall-virus. Huwa ilu għal xi ġranet pożittiv għall-coronavirus.

Fuq rakkomandazzjoni tat-tobba, l-Arċisqof ittieħed l-isptar fejn qed jiġi kkurat għall-kumplikazzjonijiet respiratorji li żviluppaw illum.

Huwa twieled fl-4 ta’ April 1946 f’Ħal Qormi u ġie ordnat saċerdot fl-1969. Wara ħidma pastorali f’Malta huwa ġie kkonsagrat Isqof Awżiljarju ta’ Tirana fl-2006 u fl-2016 ġie appuntat Arċisqof tal-istess Djoċesi.

F’Novembru, il-każijiet ġodda ta’ coronavirus fl-Albanija splodew ‘il fuq hekk kif hemm aktar minn 12,700 każ attiv.