L-Isqof Elett Galea-Curmi jiltaqa’ mal-missjunarji Maltin

Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju Elett, Mons. Joseph Galea-Curmi, iltaqa’ ma’ missjunarji Maltin imxerrda mad-dinja, li bħalissa qegħdin Malta għal btala.

Mons. Galea-Curmi, li se jkun ordinat nhar is-Sibt li ġej, faħħar il-ħidma li jwettqu dawn il-missjunarji. Huwa qal li huma jpoġġu fil-prattika kliem il-Papa Franġisku li jinsisti fuq l-importanza “li nkunu Knisja li toħrog u tmur għand dawk li jinsabu fil-periferiji tas-soċjetà u Knisja bil-bibien tagħha miftuħa li tilqa’ lil kulħadd.”

Fil-messaġġ tiegħu, Mons. Galea-Curmi rringrazzja lill-Kummissjoni Emigranti fi ħdan il-Knisja f’Malta u lil MISSIO Malta (l-Opri Missjunarji Pontifiċji) tal-għajnuna li jagħtu lill-missjunarji Maltin.

Għal-laqgħa li saret f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta, attendew saċerdoti Maltin li qed jagħmlu ħidma missjunarja fl-Awstralja u fil-Pakistan, u sorijiet li qegħdin f’Gaża, il-Brażil, il-Pakistan, l-Ukrajna u l-Indja. Attendew ukoll soċi tal-M.U.S.E.U.M. missjunarji f’Kuba, Londra u l-Albanija.

Din il-laqgħa ġiet organizzata mill-Kummissjoni Emigranti flimkien mal-Uffiċċju Missjunarju.

Il-laqgħa mas-saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin ilha ssir għal aktar minn 50 sena, b’apprezzament għall-ħidma li jwettqu fl-artijiet tal-missjoni barra minn Malta.