“L-Isqof Barros għandu jirriżenja” – kardinal

L-Arċisqof ta’ Santiago, il-Kardinal Ricardo Ezzati, qal li l-Isqof Ċilen Juan Barros, akkużat li għatta abbużi sesswali, “għandu bla dubju ta’ xejn jirriżenja”.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kardinal qal li l-Isqof Barros, li allegatament ħeba abbużi fuq minuri li saru minn Fr. Fernando Kardima, għandu jkun lest li jirriżenja “għall-ġid tal-poplu t’Alla. 
"Jien mhux Imħallef biex ngħid jekk Barros hux veru għatta dawn l-abbużi sesswali jew le", sostna.
L-Isqof Barros li jmexxi d-djoċesi ta’ Osorno fin-nofsinhar taċ-Ċilì, ċaħad l-akkużi li kien jaf iżda ħeba dawn l-abbużi u għall-bidu l-Papa Franġisku kien iddefendih u qal li min qed jakkużah kien ħati ta’ kalunja.
Iżda l-ġimgħa li għaddiet, il-Papa kellu jammetti li għamel “żball serju” dwar dan il-każ u f’ittra li bagħat lill-Isqfijiet Ċileni qal li għandu informazzjoni bilanċjata dwar il-każ u sejħilhom biex immorru Ruma għal laqgħa miegħu f’nofs Mejju biex jiddiskuti din il-kriżi.
Il-Papa għamel din l-ammissjoni wara li rċieva r-rapport tal-Arċisqof Charles Scicluna li hu stess bagħat fiċ-Ċilì biex jinvestiga l-każ.
Dwar l-ittra tal-Papa, il-Kardinal Ezzati qal li l-informazzjoni li ngħatat lill-Papa fuq il-każ tal-Isqof Barros, waslet minn diversi sorsi u qal li min ipprova jqarraq bil-Papa issa għandu jitkellem. “Min żbalja għandu jagħraf dan in-nuuqas, juri dispjaċir u jsewwi għall-iżball”, żied il-Kardinal.
Qabel jiltaqa’ mal-grupp tal-Isqfijiet Ċileni f’Mejju l-Papa se jiltaqa’ ma tliet vittmi tal-abbuż sesswali. 
Din il-laqgħa se ssir illum f’Santa Martha, ir-residenza ta’ Papa Franġisku.
Fir-ritratt: il-Kardinal Ricardo Ezzati