Filmat: L-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna iżur l-isptar Monte Carmeli

L-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farrugia żar l-isptar Monte Carmeli, fejn iltaqa’ fost l-oħrajn mal-amministrazzjoni tal-isptar. 

Il-Ministru Farrugia spjega kif il-kunċett tas-saħħa mentali inbidel u l-importanza qed tingħata lill-kura fil-soċjetà.

Dan sabiex ikun ta’ benefiċċju għall-pazjent, li jingħata l-kura fl-ambjent li huwa mdorri fih. Godfrey Farrugia żvela kif aktar tard din is-sena, il-Gvern se jħabbar tibdil fil-kura tas-saħħa mentali.

Għalhekk ukoll sar ċensiment fost il-pazjenti f’Monte Carmeli, b’termini internazzjonali, biex ikunu magħrufa dawk il-pazjenti li jingħataw il-kura fis-soċjetà mhux biss mill-psikjatri imma wkoll mit-tobba u l-ispeċjalisti.

Il-Ministru għas-Saħħa qal li l-Gvern qed jaħdem biex jakkwista fondi Ewropej sabiex jinbena sptar għall-kura mentali qrib l-isptar Mater Dei biex il-pazjent iħossu aktar integrat fis-sistema tas-saħħa.

Filwaqt li nsista li l-kura primarja hija ta’ importanza kbira f’dan is-settur qal li fuq skala internazzjonali, Malta tinsab minn ta’ quddiem.

L-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna enfasizza fuq l-importanza li meta pazjent jirritorna fis-soċjetà jsib is-solidarjetà u l-għajnuna.

Qal li l-impenn tal-Knisja huwa li tibqa’ tagħti l-kontribut biex l-ambjent soċjali jispira fiduċja.

L-Isqof Scicluna qal li rridu naħdmu flimkien biex iż-żgħażagħ ikollhom is-serenità u l-valuri u minn dan il-lat, il-valuri reliġjużi jgħinu biex ikollna ambjent aħjar.

L-Isqof Scicluna wera l-gratitudni tal-Knisja għas-servizz li l-Istat qiegħed jagħti f’dan il-qasam.