L-Isqof Anton Teuma fl-ewwel laqgħa mal-Isqfijiet Maltin

Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ltaqa’ uffiċjalment mal-Isqfijiet Maltin f’laqgħa tal-Konferenza Episkopali Maltija li saret ilbieraħ fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.

Fil-laqgħa nqrat ittra tal-Isqof Emeritu Mons. Mario Grech, li fiha fisser l-apprezzament tiegħu għall-ħidma fraterna fi ħdan il-Konferenza. L-Isqfijiet irringrazzjaw lill-Isqof Grech għall-kontribut importanti u siewi li ta matul dawn il-15-il sena filwaqt li wegħduh it-talb tagħhom fil-missjoni ġdida fil-Vatikan bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Il-Konferenza Episkopali Maltija hija magħmula mill-isqfijiet taż-żewġ djoċesijiet: l-Arċisqof Mons. Charles Jude Scicluna, li huwa l-President tal-istess Konferenza, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi. Jattendi wkoll Patri Michael Bugeja SJ, il-President tal-Kunsill Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi (KSMR).

X’inhu x-xogħol tal-l-Konferenza Episkopali?

Il-Konferenza Episkopali tiltaqa’ regolarment sabiex takkumpanja l-mixja tal-poplu Malti fil-ġrajjiet li jkun għaddej minnhom, tieħu deċiżjonijiet fuq materji komuni għaż-żewġ djoċesijiet u tirrifletti fuq sfidi u opportunitajiet li jkun għaddej minnhom il-poplu Malti inġenerali sabiex l-isqfijiet ikunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fid-dawl tal-Evanġelju.

Il-Konferenza Episkopali Maltija tifforma wkoll parti mill-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Unjoni Ewropea (COMECE).