L-Isqfijiet Venezwelani jiddefendu s-sovranità tal-poplu

Fi stqarrija li ħarġu l-ġimgħa li għaddiet, l-Isqfijiet fil-Venezwela qalu li jidher ċar li l-vjolenza fil-pajjiż qed issir istituzzjonalizzata.
L-Isqfijiet qalu li r-ripressjoni uffiċjali qed tiġġenera reazzjonijiet vjolenti u b’hekk qed jikbru t-tensjoni u l-anarkija. Priġunieri qed ikunu pproċessati quddiem Tribunali tal-Poplu bi ksur tal-Kostituzzjoni.
L-istqarrija tal-Isqfijiet hija difiża għas-sovranità tal-poplu u l-awtonomija tad-diversi istituzzjonijiet tal-Istat, partikolarmaent tal-Assemblea Leġislattiva li hi kontrollata mill-Oppożizzjoni.
F’Ġunju li għadda, il-Papa Franġisku ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Isqfijiet tal-Venezwela. Hu appella għad-djalogu fil-pajjiż.
It-tensjoni fil-pajjiż qed tkompli tikber hekk kif il-President Maduro qed jagħmel minn kollox biex isaħħaħ il-Partit Soċjalista li jmexxi. Hu qed ikun kkritikat għall-mod fqir kif qed imexxi l-ekonomija tal-pajjiż, għall-miżuri ripressivi li qed jieħu li ħafna drabi jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Hu maħsub li madwar tliet kwarti tal-poplu Venezwelan ma jaqbilx mal-Presidenza ta’ Nicolas Maduro.  Madwar 90 persuna nqatlu f’inċidenti ta’ vjolenza mis-suldati ta’ Maduro.
Il-President irid iwaqqaf Assemblea Kostitwenti biex jibdel il-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Aktar kmieni dan ix-xahar l-Oppożizzjoni organizzat konsultazzjoni popolari li fiha l-poplu kien mistoqsi jekk jaqbilx li l-President għandu jwaqqaf Assemblea Kostitwenti. Għalkemm ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju għadhom ma tħabbrux jidher li r-riżultat kien wieħed b’saħħtu konta Maduro.