L-isqfijiet tas-Sudan t’Isfel jisfidaw lill-politiċi

Papa Franġisku jinżel ibus riġlejn il-President tas-Sudan t'Isfel filwaqt li jappella għall-paċi fil-pajjiż

“Hi t-tama tagħna li l-mexxejja politiċi fis-Sudan t’isfel, kemm jekk huma fil-Gvern kif ukoll fl-Oppożizzjoni, li ħafna minnhom huma nsara, iżommu f’moħħhom l-appell u l-ġest straordinarju li għamel magħhom il-Papa Franġisku meta talabhom biex iġibu l-paċi lil ħuthom fis-Sudan ta’Isfel”.

Dan l-appell għamluh l-Isqfijiet tas-Sudan u s-Sudan t’Isfel fi tmiem il-Quddiesa tal-1 ta’ Novembru fil-knejjes kollha tas-Sudan t’Isfel u kien rappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDRES.

Huma fakkru li fil-11 ta’ April ta’ din is-sena meta temmew irtir spirtwali li għamlu fid-Domus Santa Marta fil-Vatikan il-mexxejja politiċi tas-Sudan t’Isfel, il-Papa Franġisku kien niżel għarkubtejh quddiemhom u appellalhom għall-futur tal-Istat ġdid li kellu jitwaqqaf fit-12 ta’ Mejju.  Dakinhar il-Papa bies riġeljn il-President tar-Republika, Salva Kiir Mayardit u tal-Viċi Presidenti suċċessuri, Riek Machar u Rebecca Nyandeng De Mabior.

Gwerra Ċivili

Iżda l-formazzjoni ta’ Gvern ġdid ta’ għaqda nazzjonali kienet posposta diversi drabi: issa suppost li dan jinħatar fit-12 ta’ dan ix-xahar, iżda l-President Salva Kiir jidher li se jifforma Gvern ġdid mingħajr, il-Viċi President suċċessur, Riek Machar.

Jekk jiġri hekk, hemm biża’ kbir li terġa’ tfaqqa l-gwerra ċivili f’dan il-pajjiż li bħalissa hu staġnat minħabba l-konsegwenzi drammatiċi tal-kunflitt li ilu sejjer minn Diċembru 2013, li magħhom wieħed irid iżid ukoll il-ħsarat kbar kaġunati mill-għargħar li laqtu firxa kbira tas-Sudan t’Isfel.

Fil-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet qalu: “Aħna rajna l-feriti u l-miżerja tal-poplu tagħna fil-kampijiet internazzjonali tal-persuni li spiċċaw bla dar u fil-kampjiet tar-refuġjati. Aħna nħossu u naqsmu mal-popli tas-Sudan u s-Sudan t’Isfel, il-kundizzjonijiet ekonomiċi ħżeina li qed jgħixu fihom”.

Fid-dokument tagħhom l-Isqfijiet jenfasizzaw l-għeruq tal-kunflitt li jinsabu fil-kilba għall-poter li juża l-firda tribali u etnika biex iwassal lin-nies jiġġieldu kontra xulxin.  Huma appellaw għall-għaqda biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw il-kundizzjonijiet negattivi li għaddej minnhom il-pajjiż u flimkien jaħdmu biex il-ftit riżorsi li għandu jinqasmu bejn kulħadd.