L-Isqfijiet tan-Nikaragwa jerġgħu jaħsbuha dwar il-medjazzjoni

Żagħżugħ quddiem barrikata waqt attakk mill-pulizija f’Jionotepe

Mill-bidu t’April ‘l hawn, il-kriżi politika fin-Nikaragwa diġà ħalliet 244 persuna mejta. Il-poplu qed jitlob għar-riżenja tal-President Daniel Ortega li qed imexxi l-pajjiż b’ponn tal-ħadid.

Sa mill-bidu tal-kunflitt, l-Isqfijiet Kattoliċi tal-pajjiż kienu qed jagħmlu medjazzjoni bejn il-Gvern u dawk li jopponuh bl-iskop li jiffaċilitaw id-djalogu bejniethom. L-Isqfijiet saħansitra marru f’żoni tar-ribelli biex jaraw b’għajnejhom l-inkwiet li jinsabu fih l-abitanti.

L-Isqfijiet ukoll ingħaqdu mal-Oppożizzjoni fit-talba biex il-Gvern iġib l-elezzjonijiet ‘il quddiem għas-sena d-dieħla minflok jistenna sal-2021.

Il-Papa Franġisku laqa’ l-medjazzjonijiet li qed tagħmel il-Knisja li sabet l-appoġġ ukoll tal-poplu tan-Nikaragwa li jqis lill-Isqfijiet bħala l-vuċi ta’ dawk oppressi.

“Bil-medjazzjoni u l-intervent tagħhom, l-Isqfijiet salvaw ħafna ħajjiet” sostna Tim Rogers, ġurnalist televiżiv. “Fin-Nikaragwa huma meqjusa bħala eroj għax poġġew lilhom infushom ma’ dawk li jħossuhom oppressi u wasslu l-għajta tagħhom għand ir-reġim.”

Iżda l-aħħar attakki mill-Gvern, issa anke fuq Knisja, wasslu lill-Isqfijiet biex jibdew jaħsbuha mill-ġdid dwar ir-rwol tagħhom ta’ medjaturi. “Il-Konferenza Episkopali se terġa’ tqis bis-serjetà jekk tkomplix bil-medjazzjoni” qal l-Isqof Awżiljarju Silvio Baez f’omelija nhar il-Ħadd li għadda.

L-Isqfijiet se jkomplu jiffukaw fuq id-djalogu “imma jekk dan jieqaf”, dan ikun tort “tar-ras iebsa, l-ambizzjoni u s-suppervja ta’ dawk li għandhom is-setgħa politika fil-pajjiż” qal l-Isqof li għandu 60 sena.

“Huma jkunu responsabbli li ma jridux soluzzjoni paċifika għal din il-kriżi nazzjonali li pprovokaw huma stess. L-istorja tiġġudikahom bħala nies intransiġenti, giddieba u arroganti,” żied jgħid l-Isqof Baez.