“It-Testment Bijoloġiku” fl-Italja meqjus bħala pass eqreb lejn l-ewtanażja

Il-Konferenza Episkopali Taljana, permezz ta’ wieħed mill-membri tagħha, ikkritikat bl-aħrax liġi ġdida bl-isem ta' "it-Testment Bijoloġiku", li tippermetti liċ-ċittadini Taljani li jagħtu direttivi bil-quddiem li huma jirrifjutaw li jiġu mitmugħa b’mod artifiċjali jew jingħataw ilma jekk dan jonqos mill-ġisem tagħhom meta jkunu f'xifer il-mewt.
Il-liġi ddaħħlet ftit tal-jiem ilu, fl-14 ta' Diċembru.
“Filwaqt li l-Knisja Kattolika ma ssib ebda oġġezzjoni li l-pazjenti jkunu inkoraġġiti jikkunsidraw trattament mediku li jista’ jkollhom bżonn fil-futur, dil-liġi tħalli lakuni kbar u tpoġġi l-libertà tal-pazjent kontra l-libertà tal-kuxjenza u l-esperjenza professjonali tat-tobba”, qal Fr  Massimo Angelilli, Kap tal-Uffiċċju tal-Ministeru Pastorali tas-Saħħa tal-Konferenza Episkopali.
Għalkemm il-liġi mhux qed tillegalizza l-ewtanażja jew is-suwiċidju assistit, din tirrappreżenta forma ta’ approvazzjoni għall-ewtanażja għax tippermetti lin-nies li jikkunsidraw in-nutriment bħala forma ta’ trattament mediku u allura xi ħaġa li tista’ tkun rifjutata.
“Li tipprovdi lill-bniedem l-ikel u x-xorb mhux trattament mediku imma s-sostenn tal-ħajja naturali. Il-liġi mhux miktuba sew u mhux ċar kemm verament tħares id-drittijiet tal-pazjenti.  Sptarijiet u tobba Kattoliċi issa se jkunu ffaċċjati bid-dilemma jekk jimxux ma’ liġi li tmur kontra l-kmandament “la toqtolx”, qal Fr. Angelilli.
Il-Knisja Kattolika tappoġġja l-kunsens infurmat tal-pazjenti u anke d-dritt li dawn jevitaw trattament eċċessiv, inkluż apparat li jgħin il-ħajja meta dan ma joffrix tama raġjonevoli ta’ fejqan.
F’Novembru li għadda, meta kien qed ikellem tobba membri tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, il-Papa Franġisku qal li nies li qed imutu għandhom ikunu akkumpanjati bl-imħabba tal-membri tal-familja u kura medika professjonali, iżda mhux meħtieġ li jintuża kull mezz possibbli biex tittawwal il-ħajja tagħhom.
“Anke jekk nafu li ma nistgħux niggarantixxu dejjem il-kura jew il-fejqan, għandna dejjem ngħinu lil min hu ħaj, bla ma nagħmlu xejn li jqassar ħajjithom iżda fl-istess waqt bla ma nirreżistu l-mewt tagħhom meta nafu li għal xejn”, qal il-Papa.
Biex tiddetermina liema tip ta’ trattament hu żejjed, jinħtieġ dixxerniment u diskussjoni mal-pazjent inifsu, mal-familja tiegħu u dawk li qed jagħtu l-kura. “Mill-punt etiku, li ma tagħtix jew twaqqaf trattament mediku eċċessiv hu għal kollox differenti mill-ewtanażja, li hi dejjem ħażina għax l-intenzjoni wara l-ewtanażja hu li twaqqaf il-ħajja u tikkawża l-mewt”, isostni l-Papa Franġisku.