L-Isqfijiet Taljani jagħtu vuċi lill-emigranti

Protesta quddiem il-Ministeru Taljan tal-Infrastruttura u t-Trasport kontra l-politika tal-Gvern fir-rigward tal-emigrazzjoni

Il-Konferenza Episkopali Taljana wegħdet l-appoġġ tagħha lill-emigranti li qed jaslu fil-pajjiż filwaqt li wissiet li madwar l-Ewropa kollha qed tikber kultura ksenofobika.

“Inħossuna responsabbli għal din l-armata ta’ foqra, vittmi ta’ gwerer u l-ġuħ, ta’ deżerti u tortura,” qalu l-Isqfijiet fi stqarrija pubblikata lbieraħ. “Din hi storja ta’ tbatija ta’ eluf ta’ rġiel, nisa u tfal, storja li m’għandhiex toħloq barrieri jew tagħlaq fruntieri imma li titlob minnha solidarjetà, ġustizzja u paċi.”

L-isqfijiet qalu li huma u l-Knisja jafu li s-soluzzjoni mhux faċli imma mdawla mill-Vanġelju ta’ Kristu, irridu nkomplu nagħtu vuċi lil min m’għandux.

L-istqarrija tal-Isqfijiet ħarġet ġurnata wara li madwar 1,000 qassis, teologu u voluntiera bagħtu ittra lill-istess Isqfijiet li fiha lmentaw li ftit kienu dawk il-mexxejja tal-Knisja li kienu qed jitkellmu kontra l-klima ta’ razziżmu u l-attitudni kontra l-emigranti li qed tinxtered fl-Italja u fl-Ewropa.

Dawn il-qassisin sostnew li l-Kristjaneżmu mhux kompatibbli mal-ostilità lejn l-emigranti u li ma kien hemm “esplojtazzjoni tal-fidi Nisranija bl-użu ta’ simboli reliġjużi bħalma huma l-kurċifiss u l-kuruna jew versi mill-Iskrittura b’mod offensiv”.

Din kienet kritika sottili għal Matteo Salvini, il-Ministru tal-Intern Taljan li ftit ilu beda jxejjer kuruna filwaqt li ħalef jimplimenta l-kostituzzjoni Taljana “skont it-tagħlim tal-Vanġelju” filwaqt li hu magħruf li qed jieħu linja iebsa kontra l-emigranti.