L-Isqfijiet tal-Venezwela jiddeploraw l-iżbilanċ favur il-Gvern fl-elezzjonijiet

Filwaqt li l-President Venezwelan, Nicolas Maduro, nhar il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra ltaqa’ mal-mexxejja tal-Oppożizzjoni biex jibdew taħditiet ta’ medjazzjoni biex jippruvaw iwaqqfu xahrejn ta’ ġlied politiku li fihom inqatlu numru ta’ persuni, l-Isqfijiet Kattoliċi ikkritikaw bl-aħrax l-iżbilanċ mill-Kummissjoni Elettorali favur il-Gvern anke fl-elezzjonijiet reġjonali li saru l-ġimgħa l-oħra.
Ir-reġim ta’ Maduro rebaħ 18 mit-23 reġjun, iżda għal darb’oħra qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi elettorali mill-Oppożizzjoni li rebħet ħames reġjuni, jiġifieri żiedet żewġ gvernaturi.
Kien imbassar li l-Oppożizzjoni se tirbaħ il-maġġoranza tar-reġjuni minħabba l-kriżi ekonomika li hemm fil-pajjiż u l-protesti kontra l-Gvern li ilhom sejrin ix-xhur u ħallew 120 persuna maqtula.
Fid-19 ta’ dan ix-xahar l-Isqfijiet tal-pajjiż ikkundannaw lill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali li injorat l-appelli magħmula minn diversi organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u għal darb’oħra reġgħet kienet żbilanċjata u fis-servizz tal-partit fil-Gvern. 
Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan iddikjara li l-elezzjonijiet reġjonali tal-15 ta’ dan ix-xahar la kienu liberi u anqas ġusti.
L-Amerikani qalu li kien hemm tibdil fil-postijiet tal-votazzjoni li l-elettorat ma kienx infurmat bihom, manipulazzjoni fid-dokumenti tal-voti u ftit magni tal-votazzjoni fir-reġjuni li hu magħruf li huma kontra l-Gvern.
It-18-il Gvernatur tal-Partit Soċjalista ta’ Maduro ngħataw il-ġurament mill-Assemblea Kostitwenti fid-19 tax-xahar, filwaqt li l-5 Gvernaturi eletti mill-partiti tal-Oppożizzjoni, ibbojkottjaw iċ-ċerimonja. 
Maduro qal li dawk il-Gvernaturi li ma jiħdux il-ġurament quddiem l-Assemblea Kostitwenti ma jistgħux jidħlu fil-kariga tagħhom.
Fi stqarrija li ħarġu l-Isqfijiet qalu li “kien hemm diversi irregolaritajiet fil-proċess elettorali: il-partiti ma tħallewx jibdlu l-kandidati kif tipprovdi l-liġi, votanti ntbagħtu f’postijiet tal-votazzjoni differenti fl-aħħar ħinijiet, ma tħallewx osservaturi newtrali internazzjonali josservaw l-elezzjonijiet u votanti ġew imġiegħla jivvutaw favur ċerti persuni tal-Gvern”.