L-Isqfijiet tal-Venezuela jappellaw biex il-pajjiż jilqa’ lil kulħadd

94% of Venezuela's population is living in extreme poverty

“Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni li qed nesperjenzaw fil-Venezuela, aħna l-Isqfijiet irridu ninterpretaw il-karba u x-xewqa tal-komunitajiet tagħna qed nibgħatu diversi messaġġi dwar is-sitwazzjonijiet partikolari li għaddejjin minnhom id-dversi knejjes lokali”.

B’din is-sentenza jibda “Il-Messaġġ lill-poplu t’Alla u lil dawk kollha ta’ rieda tajba fil-Venezuela”, li hu ffirmat mill-President tal-Konferenza Episkopali tal-Venezuela.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Fides li r-rappurt dwar dan il-messaġġ, tgħid li fih l-Isqfijiet, affermaw fuq kollox “id-dinjità tal-persuna umana u d-drittijiet inaljenabbli tagħha.”

Delitti kontra l-umanità

Dan id-dokument isemmi d-diversi l-ħafna delitti kontra l-umanità li qed jitwettqu fil-Venezuela.  Dawn jinkludu qtil u ripressjoni tal-popli indiġeni tal-grupp etniku tal-Pemon u gruppi oħra; id-deportazzjoni furzata ta’ nies mill-Colombia u mill-Venezuela stess, nies jintefgħu l-ħabs, priġunieri politiċi torturati, nuqqas ta’ aċċess għal ikel u mediċini, arresti u ħtif ta’ persuni mill-forzi tal-Istat.

Quddeim dan kollu “nistiednu lill-Forzi Armati biex iħossu li huma parti mill-poplu li għandhom jiddefendu u jservu skont il-kuxjenza tagħhom” appellaw l-Isqfijiet.

“Nixtiequ nesprimu t-tħassib serju tagħna dwar il-qtugħ ta’ dawl kontinwu fuq livell nazzjonali li fost affarijiet oħra qed jaggrava aktar il-provvista u l-konservazzjoni tal-ikel u l-mediċini.  Barra minn dan qed tonqos il-ħażna ta’ ilma tax-xorb f’ħafna nħawi tal-pajjiż li qed jhedded li jwassal għal sitwazzjoni katastrofika fil-qasam tas-saħħa.”

Infarrku l-ħitan tal-firda

Fil-konklużjoni tal-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet qalu: “Fi tmiem ir-Randan ikunu nistgħu niċċelebraw l-Għid ta’ Kristu Rxoxt, li hu l-ħellies awtentiku tal-umanità, jekk dawk kollha li jemmnu u n-nies ta’ rieda tajba ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex nuru l-kobor u s-sbuħija tad-dinjità umana.  Għalhekk nappellaw lil dawk li qed jattakkaw lil ħuthom b’delitti kontra l-umanità biex joħorġu mid-dlam li jinsabu fih. Hemm bżonn li nibnu pontijiet u nfarrku l-ħitan tal-firda u nibnu pajjiż li jkun id-dar għal kulħadd.  Din hi l-isfida li għandna quddiemna”.

94% tal-poplu f’faqar estrem

Dan il-messaġġ tal-Isqfijiet ħareġ ftit jiem biss wara li kien pubblikat rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Venezuela.  Minn dan jidher li mid-29 miljun abitant fil-pajjiż, bħalissa hemm 94%  li qed ibatu minn faqar estrem. Dan filwaqt li madwar 3.5 miljun persuna oħra ħarbu lejn il-Peru, il-Colomia, il-Brazil, il-Guyana, Suriname, Curacao u gżejjer oħra tal-Karibew.

Tfal fl-età tal-iskola mhux imorru skola aktar filwaqt li nies morda ma jistgħux imorru fl-isptarijiet għall-kura għax fihom m’hemmx mediċini.  In-numru ta’ dawk li qed imutu għax mhux jingħataw il-kura li għandhom bżonn qed jikber kuljum.

Il-Kardinal Jorge Urosa Savino, Arċisqof Emeritus ta’ Caracas issuġġerixxa soluzzjoni għal din il-kriżi f’dikjarazzjonijiet li ta lill-istampa internazzjonali.  “Din il-kriżi terribbli turi l-inkapaċità tal-mexxejja attwali li jmexxu dan il-pajjiż. Dawn humx kapaċi jiggvernaw il-Venezuela”. Għalhekk “is-soluzzjoni radikali imma paċifika hi li l-President Madura, li diġà kien miċħud mill-maġġoranza tal-poplu, iwarrab u jitlaq il-poter li qed jokkupa.

“Hemm bżonn li naċċettaw il-presidenza ‘ad interim’ tal-President tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaido biex ikunu jistgħu jsiru elezzjonijiet trasparenti u tibda t-triq ġenwina biex insalvaw il-pajjiż”, temm jgħid l-Arċisqof Savino.