L-Isqfijiet tal-Venezuela janalizzaw is-sitwazzjoni tal-pajjiż

Dimostrazzjoni kontra t-tmexxija tal-President Maduro

Filwaqt li Bħalissa qed tiltaqa’ sessjoni plenarja tal-Konferenza Episkopali tal-Venezuela, il-41 Isqof tad-diversi djoċesijiet tal-pajjiż ippublikaw stqarrija b’saħħitha dwar l-awtonomija tal-Assemblea Nazzjonali u l-fatti li seħħew fil-pajjiż fl-aħħar żminijiet.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrapppurtat li fl-istqarrija tagħhom, l-Isqfijiet qalu li “Fis-7 ta’ Jannar, il-poplu tal-Venezuela kien xhud ta’ abbuż tal-poter… espressjoni ġdida tal-ideoloġija totalitarja ta’ dawk li għandhom il-poter politiku. Huma mhux jirrikonoxxu tal-awtonomija tal-Assemblea Nazzjonali.”

Kriżi kbira

“Din hi daqqa kbira għall-istituzzjoni statali. Kollox hu ntenzjonat biex iżommu l-poter u mhux biex joħolqu proċessi għall-ġid tas-soċjetà. Aħna nikkundannaw dak li seħħ u bħala ċittadini tal-Venezuela naġġellaw biex ikun hemm rispett għall-Assemblea Nazzjonali – l-unika istituzzjoni politika eletta mill-poplu fl-2015. Bħala mexxejja aħna nappellaw lil dawk fil-poter biex jaġixxu favur il-ġid komuni tal-poplu li bħalissa hu milqut minn kirżi kbira li tnaqqaslu d-dinjità”, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Isqfijiet.

L-Assemblea tal-Konferenza Episkopali bdiet tiltaqa’ fis-7 ta’ Jannar fl-Università Kattolika u nfetħet b’diskors minn Mons. Josè Trinidad Fernandez, Isqof Awżiljarju ta’ Caracas u Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali. Il-konferenza ntemmet nhar il-Ħadd li għadda.

Mgr. Mario Moronta, Isqof ta’ San Cristobal u Viċi President tal-Konferenza Episkopali qara d-diskors tal-ftuħ miktub mil-Arċisqof Josè Luis Azaje, li hu l-Prsident tal-Konferenza iżda li ma setgħax ikun preżenti għall-assemblea minħabba raġunijiet ta’ mard.

Moralment intollerabbli

Id-diskors kien maqsum f’żewġ partijiet ewlenin, il-parti ekklesjastika u l-parti soċjo-politika dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u kif din qed tolqot lill-poplu Venezuelan.  

Fost affarijiet oħra l-Arċisqof tkellem dwar “sitwazzjonijiet intollerabbli moralment” fosthom il-“vjolenza istituzzjonalizzata akkumpanjat minn gideb u diskors manipulattiv”.

L-istatistika dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-pajjiż juri li l-livell tal-għixien sejjer lura. Il-faqar qed jiżdied u n-numru ta’ postijiet tax-xogħol qed jonqos. In-nuqqas ta’ ikel hu wkoll realtà drammatika fil-Venezuela għal aktar minn 87% tal-familji fil-pajjiż.