L-Isqfijiet tal-Messiku u l-Paragwaj jappellaw għar-rispett lejn in-nisa

Il-mara jixirqilha aktar rispett u dinjità.

“Aħna mnikkta ħafna minħabba l-vjolenza kontra n-nisa li kienet manifestata b’mod ġdid u aggressiv u kattiv li ħoloq konfużjoni, uġiegħ, dwejjaq, dmugħ u xewqa għall-vendetta”.

Din id-dikjarazzjoni għamlitha l-Presidenza tal-Konferenza Episkopali tal-Messiku fi stqarrija ntitolata “L-edukazzjoni għall-paċi hi urġenza nazzjonali” wara d-delitti brutali kontra nisa u tfajliet li seħħew fil-pajjiż fl-aħħar jiem. L-Isqfijiet qalu li “l-karba ta’ uġiegħ ta’ dawn il-vittmi tal-vjolenza titlob ġustizzja quddiem Alla.  Quddiem dan kollu, in-nisrani ma jistax jibqa’ indifferenti”.

“Din ir-realtà tpoġġi quddiemna emerġenza edukattiva awtentika għax turi li tlifna it-tifsira bażika ta’ koeżistenza umana: il-verita, it-tjubija u s-sbuħija” tgħid l-istqarrija tal-Konferenza Episkopali kif rappurtata mill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES.

Edukazzjoni

L-Isqfijiet Messikani enfassizzaw li l-edukazzjoni ma ssirx biss f’istituzzjonijiet edukattivi, li għalkemm importanti m’humiex biżżejjed. “Aħna nirrikonoxxu l-ħieġa ta’ bażi edukattiva li tinkludi l-familja għax dak li jkun mgħallem fl-iskejjel ma jistax jieħu post l-edukazzjoni li tista’ tagħti l-familja”.

Għalhekk l-Isqfijiet fakkru li “Aħna lkoll responsabbli biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi umanitarja li qed niffaċċjaw: il-familja, l-iskejjel, il-media u l-Knejjes” biex noħolqu kultura ta’ tama u paċi, flimkien mar-responsabbiltajiet tal-Istat.

“Nitolbu lill-insara kollha u lill-poplu ta’ rieda tajba biex jagħmlu dak kollu possibbli biex ma jħallux  il-vjolenza tikber u tinfirex. B’mod speċjali nappellaw għar-rispett għall-mara u nirrikonoxxu d-dritt tagħha għad-dinjità u niggarantixxu l-libertà u l-integrità tan-nisa fis-soċjetà tagħna”, qalu l-Isqfijiet.

Fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Mara fil-Paragwaj li kien ċelebrat fl-24 ta’ Frar, l-Isqfijiet ta’ dan il-pajjiż, f’messaġġ li ħarġu enfasizzaw li “in-nies dejjem kellhom rwol importanti fis-soċjetà u partikolarment f’pajjiżna, in-nisa taw ħajjithom biex salvaw il-pajjiż f’mumenti kritiċi”.

Il-kontribut tal-mara

In-nisa tal-Paragwaj kienu kapaċi jiftħu triq għar-rikonċiljazzjoni tal-pajjiż wara l-katastrofi li għadda minnha pajjiżna bejn l-1865 u l-1870, iżda minkejja l-kontribut kbir tagħhom f’din il-kriżi, ħafna minnhom baqgħu lura.

Għalkemm il-kontribut tan-nisa f’diversi oqsma tas-soċjetà hu rikonoxxut, l-Isqfijiet fakkru li “Is-soċjetà maskilista ta’ pajjiżna dejjem ipposponiet il-parteċipazzjoni tagħhom f’aspetti varji tal-ħajja pubblika”. Illum il-Knisja tapprezza “d-dħul tan-nisa f’oqsma tax-xogħol li tradizzjonalment kienu riservati għar-raġel u tagħraf li n-nisa huma eroj qalbiena li jsalvaw il-ħajjiet, jagħmlu ġustizzja u jiġġieldu l-korruzzjoni.”

Fl-aħħarnett l-Isqfijiet tal-Paragwaj jqisu li “l-vjolenza kontra n-nisa qed tkompli tiżdied u enfasizzaw in-nuqqas ta’ rikonoxximent għad-dinjità u l-valur ta’ ħafna nisa u allura hu mportanti li nitkellmu magħhom, nirrikonoxxuhom unoħolquspazji fejn jistgħu jipparteċipaw biex nimxu flimkien lejn pajjiż aktar inklussiv”.