L-Isqfijiet tal-Mediterran b’laqgħa dwar l-immigrazzjoni

Sea-Eye / Twitter

Read in English.

“Nitkellmu inqas u naġixxu iżjed” hija l-għan tal-laqgħa bejn l-Isqfijiet ta’ diversi pajjiżi, li se ssir bejn it-18 u t-23 ta’ Frar li ġej. Din il-laqgħa, li ġiet deskritta wkoll bħala tip ta’ sinodu, se titratta il-kriżi tal-immigrazzjoni li bħalissa qed jaffaċċjaw ħafna pajjiżi differenti.
Skont rapport minn La Croix, dan l-għan ġie ikkjarifikat mill-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Taljani, il-Kardinal Gualtiero Bassetti. Huwa żied jgħid li l-laqgħa, bl-isem ta’ “il-Mediterran, fruntiera ta’ paċi”, se titratta l-problema mill-għerq tagħha mal-isqfijiet kollha tal-Mediterran.
Skont il-Kardinal, il-Papa Franġisku se jkun preżenti. Il-Papa ilu mill-2013 jagħmel appelli biex kulħadd jaċċetta lill-immigranti u ċ-ċirkostanzi koroh tagħhom. Isqfijiet oħra madwar id-dinja wkoll għamlu l-appelli tagħhom, fosthom, dawk ta’ Malta.

L-Arċisqof Charles Scicluna, waqt ikla hekk imsejjħa Good Neighbourhood Dinner,  kien spjega lill-membri tal-komunità tal-immigranti u lir-rappreżentanti tal-Pulizija u tal-Forzi Armati li l-ikla kienet tfisser stqarrija li n-nies huma kollha umani. Huwa kien kiel mal-100 persuna li attendew fil-Kurja, fil-Furjana.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, waqt li kien qed jawgura wirja ta’ Caritas Malta, kien esprima  d-dispjaċir kbir tiegħu għal meta għerqu tal-inqas 70 persuna fil-Baħar Mediterran, viċin il-kosta tat-Tuneżija. Huwa kien spjega li hija aħbar tassew kerha u ta’ niket, u  ħeġġeġ biex isir talb għall-vittmi u l-familji tagħhom.
L-Isqof t’Għawdex Mario Grech ikkumpara l-missjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta ma’ dik ta’ Ġesù Kristu, peress li bħalu, is-suldati jridu jħabbtu wiċċhom ma’ bniedem mhedded mill-ħażen ta’ kuljum sabiex iroddulu l-ħelsien, partikolarment l-immigranti li jkunu qed jippruvaw jaħarbu minn xi ħażen f’pajjiżhom. Stqarr ukoll li hija ħasra li s-soċjetà ma tifhimhomx u ma tapprezzahomx, u minflok, “tfittex ix-xagħra fl-għaġina biex tikkritika l-Armata.”