L-Isqfijiet tal-Malawi jappellaw għal era demokratika ġdida

F’Ittra Pastorali intitolata “Sejħa għal era ġdida fil-Malawi” li nqrat fil-knejjes kollha tal-pajjiż l-Ħadd li għadda, l-Isqfijiet ikkundannaw il-fatt li wara 54 sena wara l-indipendenza, il-maġġoranza taċ-ċittadini għadhom qed jgħixu f’faqar kbir.
“Aħna, l-Isqfijiet tagħkom, jiddispjaċina ninnutaw li l-ħelsien u d-demokrazija li rbaħna b’ħafna sagrifiċċji, għadhom ma tawx il-frott li konna qed nittamaw. Nosservaw bi dwejjaq kbar li l-maġġoranza tan-nies f’dan il-pajjiż għadhom isofru l-faqar, l-injoranza, il-mard, il-ġuħ li wasslu għal dekadenza morali perikoluża f’pajjiżna. 54 sena wara l-Indipendenza, il-poplu tal-Malawi għadu ma kisibx dak li bata għalih,” qalu l-Isqfijiet.
Huma qalu li s-sistema governattiva li tiffavorixxi biss ftit nies b’saħħithom ma tistax tkun aċċettata, u l-poplu hemm bżonn jibdel id-direzzjoni u fehemtu biex jara li l-affarijiet isiru sew.
“Aħna tal-fehma li l-Malawi bħala pajjiż irid jibdel id-direzzjoni jekk iridu naqilbu s-sitwazzjoni. Irid ikun hemm bidla radikali fil-mod kif isiru l-affarijiet u mhux nibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Dan jinħtieġ bidla fil-ħsieb li twassal għal era ġdida ta’ ġustizzja għal kulħadd”, tenfasizza l-Pastorali.
l-Isqfijiet żiedu li: “Irridu nistaqsu lilna nfusna jekk din is-sistema ta’ gvern, matul is-snin, tatx dak li wiegħdet li taġevola l-ħajja taċ-ċittadini…Ma nistgħux nippretendu li kollox hu sew”.
“Hekk kif qed niċċelebraw il-Ġublew tal-Fidda mill-introduzzjoni mill-ġdid tad-demokrazija, irridu nammettu li n-nuqqas ta’ djalogu miftuħ u d-demokrazija mxekkla f’dan il-pajjiż ma servew ta’ ebda ġid. Ma nistgħux nistennew li mexxejja politiċi li joħonqu d-demokrazija u jmexxu  'l quddiem kultura ta’ biża’ fil-partiti tagħhom stess, f’daqqa waħda se jsiru demokratiċi għax jitilgħu fil-Gvern”, tikkonkludi l-Pastorali.
Fil-Malawi mistennija ssir elezzjoni s-sena d-dieħla u l-Isqfijiet qed jittamaw li l-poplu jixtarr u jagħmel għażliet tajbin.
“Ejja nivvutaw b’moħħna għal mexxejja li lesti jservu u mhux nivvutaw biss għal mexxej għax hu membru ta’ partit politiku dominanti fit-territorju tagħna”, enfasizzaw.