L-isqfijiet tal-Kenja jniedu kampanja nazzjonali kontra l-korruzzjoni

L-Isqfijiet tal-Kenja fit-tnexija tal-kampanja kontra l-korruzzjoni

L-Isqfijiet tal-Kenja ddikjaraw kampanja nazzjonali kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż li se ddum għaddejja sitt xhur. Fost affarijiet oħra l-Isqfijiet iridu jiskoraġixxu kontribuzzjonijiet finanzjarji kbar f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi mill-Knisja.

L-isqfijiet Kattoliċi taw sorpriża lill-insara lejn l-aħħar tax-xahar li għadda, meta resqu lejn l-altar ħafjin.  Barra li kienu ħafjin kull wieħed minnhom ġarr salib żgħir f’idejh.  L-isqfijiet kienu lebsin l-aħdar b’żigarella bajda.

Wegħda personali kontra l-korruzzjoni

L-Isqfijiet resqu lejn l-artal, niżlu għarkubtejhom u talbu fis-skiet u wara, b’leħen għoli għamlu impenn personali li jaħdmu bla waqfien biex jiġġieldu l-korruzzjoni fil-Kenja. Imbagħad, kull wieħed minnhom iffirma l-wegħda u personalment għaddew id-dokument iffirmat minnhom lic-Chairman tal-Konferenza Episkopali tal-Kenja, l-Arċisqof Philip Anyolo.

Huma nġabru fis-Santwarju ta’ Marija Omm Alla f’Subukia għax qalu li jridu juru b’mod konkret ir-rieda tagħhom li jiġġieldu l-korruzzjoni fis-soċjetà Kenjana.  B’hekk huma jridu lill-Kattoliċi biex jingħaqdu magħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Imwiet frott il-korruzzjoni

L-Arċisqof Anthony Muheria, Chairman tal-Konferenza Episkopali spjega s-sinjifikat għaliex l-Isqfijiet kienu ħafjin.  Hu qal li huma mxew ħafjin b’luttu għall-fatt li s-soċjetà Kenjana mhix tagħti każ tal-liġijiet t’Alla u qed tesplojtja u tabbuża mill-foqra li qed jinbiegħu bil-ħbub. Hu qal li ħafna mwiet fil-Kenja huma frott tal-korruzzjoni.

“Bħal Mose, nitolbu mal-poplu għall-poplu li dawwar ħarstu lejn il-“baqra tal-korruzzjoni”.  Il-kampanja ta’ sitt xhur kontra l-korruzzjoni għandha t-tema “Inkissru l-katina tal-korruzzjoni”.

Ebda donazzjonijiet fi flus kontanti

F’diskors li għamel waqt it-tnedija ta’ din il-kampanja, l-Arċisqof Anyolo qal lill-media lokali qal li ‘l quddiem il-Knisja trid tiskoraġixxi donazzjonijiet kbar fi flus kontanti.

“Il-kontribuzzjonijiet fil-knejjes tagħna għandhom isiru billi l-flus ikunu trasferiti jew b’ċekk. B’hekk nevitaw li jkollna ammonti kbar ta’ flus kontanti u d-donaturi nagħtuhom rendikont ta’ kollox.  Nixtiequ naslu għal donazzjonijiet mhux fi slus kontanti”.

L-isqof stieden lill-mexxejja tal-Knisja biex fl-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi jkunu trasparenti.