L-Isqfijiet tal-Iraq jappellaw biex tieqaf il-persekuzzjoni tal-Insara

L-Isqfijiet ta’ Mosul fl-Iraq għamlu appell imqanqal lill-komunità internazzjonali biex tingħata aktar għajnuna lill-Kristjani u minoritajiet oħra ġewwa l-Iraq.
Il-mexxejja tal-Knisja fl-Iraq talbu lill-għaqda ta’ karità Aid to the Church in Need biex issir aktar pressjoni fuq il-militanti biex ma jibqgħux jeqirdu l-knejjes u postijiet oħra reliġjużi.
Fi stqarrija l-Isqfijiet talbu lill-Gvern biex jipprovdi protezzjoni lill-Insara u anke minoritajiet oħra. Talbuh ukoll biex jgħin lil dawk il-familji li fl-attakki tilfu kollox u biex jingħataw kumpens.
Huma talbu lill-komunità internazzjonali biex joħolqu pressjoni fuq il-militanti biex tieqaf il-persekuzzjoni tal-Insara u d-distruzzjoni ta’ Knejjes, monasteri, relikwi u manuskritti ta’ valur storiku, Kristjan u dinji.
L-Aid to the Church in Need f'Malta ngħaqdet ma’ dan l-appell biex il-Maltin juru solidarjetà mal-Insara fl-Iraq. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21487818 jew jibgħat  imejl fuq info@acnmalta.com