L-Isqfijiet tal-Filippini se jistiednu lill-Papa biex iżurhom

Il-Konferenza Episkopali tal-Filippini tikkunsidra stedina lill-Papa biex iżur il-pajjiż

Sentejn oħra l-Knisja fil-Filippini tkun qed tiċċelebra l-500 anniversarju minn meta wasal il-Kristjaneżmu fil-pajjiż. Biex jiċċelebraw dan l-avveniment importanti, l-Isqfijiet Kattoliċi qed jikkunsidraw li jistiednu lill-Papa Franġisku jżur pajjiżhom.

Fr Marvin Mejia, Segretarju tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini  qal li deċiżjoni jekk issirx din l-istedina se tittieħed fi tmiem din il-ġimgħa, f’sessjoni plenarja tal-Konferenza Episkopali.

Fl-aħħar seba’ snin il-Knisja fil-Filippini kienet qed tfassal pjani biex tiċċelebra dan il-ġublew minn meta fil-pajjiż kienet ċelebrata l-ewwel quddiesa u saru l-ewwel magħmudijiet bir-rit Kattoliku.

Fl-2012 il-Konferenza Episkopali kienet bdiet vjaġġ ta’ disa’ snin lejn Evanġeliżazzjoni Ġdida fejn kull sena kienet tagħżel tema bl-iskop li twassal lill-insara għaċ-ċlebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju.

Fr Meija qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenit” li “l-importanti hu li jkun hemm l-istedina lill-Papa u programm imħejji qabel tasal l-2021. Imbagħad naraw jekk l-istedina tkun milqugħa jew le.”

F’Jannar 2015, fit-tieni pellegrinaġġ tiegħu fl-Asja, meta kien fi Sri Lanka, il-Papa Franġisku kien għamel waqfa qasira fil-Filippini biex iżur lill-vittmi tat-tifun qawwi “Yolanda” li kien għamel ħsara kbira f’Leyte.  Jingħad li dik kienet l-akbar avveniment papali fl-istorja meta għall-quddiesa li ċċelebra f’Manila, kienu attendew madwar 7 miljun persuna.

Dakinhar, f’diskors li kien għamel, il-Papa Franġisku kien faħħar il-fidi qawwija tal-poplu tal-Filippini u fakkarhom fil-missjoni tagħhom li jxerrdu l-Vanġelu. B’riferenza għall-ġublew tal-2021 il-Papa kien qal “Hi x-xewqa tiegħi li dan l-anniversarju mportanti ikompli jagħti l-frott u l-potenzjal li jispira soċjetà li jixirqilha t-tjubija, id-dinjità u l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Filippini”.

L-Isqof Arturo Bastes, li jmexxi l-Kummissjoni Missjunarja tal-Konferenza Episkopali qal li din se tkun l-ewwel darba li l-Knisja lokali tistieden lill-Papa biex iżur il-Filippini għax meta l-Papa Franġisku mar il-Filippini erba’ snin ilu dan għamlu fuq inizjattiva tiegħu stess għax ried iżur il-vittmi tat-tifun.

Għalkemm hu rari li Papa jżur darbtejn l-istess pajjiż, l-Isqfijiet tal-Filippini xorta jibqgħu jittamaw. “Il-Papa Franġisku xorta jista’ jikkunsidra li jaċċetta din l-istedina biex jiċċelebra magħna it-tifkira tal-introduzzjoni tal-Kristjanemu f’pajjiżna”, qal l-Isqof Bastes.